“Bir-raba’ vapur kellna attività normali, kalma u pjaċevoli” – il-Ministru Caruana – One News

Notifiki

“Bir-raba’ vapur kellna attività normali, kalma u pjaċevoli” – il-Ministru Caruana

Għal sena oħra, Għawdex kien mimli sa snienu bil-Maltin u t-turisti li għażlu lil din il-gżira għall-btala tagħhom tas-sajf tant li ħadu kull sodda li kien hemm disponibbli f’Għawdex.

Jixhdu dan iċ-ċifri tal-Gozo Channel li juru li mindu bdew ix-shutdowns, aktar mitejn u għoxrin elf ruħ qasmu l-fliegu matul il-ġimgħa ta’ Santa Marija. Dan ifisser żieda ta’ 5 fil-mija meta mqabbel mal-istess ġimgħa tas-sena l-oħra. Iċ-ċifri juri wkoll li f’dan il-perjodu qasmu l-fliegu aktar minn 61 elf vettura, li kienet tfisser żieda ta’ ħmistax fil-mija.

Tul dan il-perjodu festiv, il-vapuri tal-Gozo Channel għamlu xejn inqas minn disa’ mija u erba vjaġġi bejn iż-żewġ gżejjer, liema vjaġġi kienu qed jiġu operati mingħajr skeda minħabba d-domanda qawwija ta’ Maltin u turisti li għażlu lil Għawdex għall-btajjel tas-sajf.

F’kumment ma’ ONEW NEWS, il-Ministru għal Għawdex Justy Caruana esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li t-turiżmu f’Għawdex kompla jiżdied. Qalet li Għawdex saret destinazzjoni turistika mhux għall-btajjel tas-sajf biss, iżda għal matul is-sena kollha.

“Għadha kif għaddiet il-festa ta’ Santa Marija u rrid ngħid li kienu ġranet impenjattivi mhux hażin fil-gżira Għawdxija speċjalment fil-ħidma tagħna bħala Ministeru għal Għawdex… Għawdex qed jiġi mfittex minn iktar persuni anke meta jkollna żminijiet fejn ikollna ħafna illi jagħżlu lil Għawdex bħala destinazzjoni.”

Iżda minkejja l-influss qawwi ta’ nies li qasmu lejn Għawdex, il-Ministru spjegat kif għall-ewwel sena fil-portijiet tal-Imġarr u Ċirkewwa ma dehrux sribet twal ta’ vetturi fil-portijiet.

“Bl-introduzzjoni tar-raba’ vapur stajna naraw illi minkejja ż-żieda illi kellna, kellna attività pjuttost normali, pjuttost kalma, pjuttost pjaċevoli anke għal dawk li qasmu fl-eqqel tas-sajf  għall-festi ta’ Santa Marija.”

Għal dan Il-Ministru Caruana ikkonfermat li r-raba’ vapur daħal biex jibqa’ u qalet li sakemm toħroġ is-sejħa għall-offerti u tiġi aġġudikata, il-vapur MV Nikolaus ser jibqa’ jopera u jagħti servizz.

Hija attribwiet ukoll iż-żieda ta’ persuni lejn Għawdex ghal bosta inizjattivi li ttiedħu fosthom l-għoti ta’ biljetti tal-vapur b’xejn lil kull min qasam b’vettura elettrika, kif ukoll il-Pet Friendly Holiday fejn ingħataw servizzi b’xejn lil annimali.

Il-wirja agrajka f’lejlet u f’Jum Santa Marija ġibdet lejha wkoll eluf ta’ nies minn kull rokna ta’ Malta.

Min-naħħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex Joe Muscat qal kif  is-settur turistiku Għawdxi dan il-perjodu f’nofs Awwissu reġa kien wieħed pożittiv ħafna, b’domanda qawwi għad-diversi servizzi turistici fosthom fl-akkommodazzjoni u fir-ristoranti. Huwa nnota wkoll it-titjib fil-konnettività bid-dħul tar-raba’ vapur u qal ldan wassal għal inqas stennija u telf ta’ ħin.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend