4 persuni ser ikollhom “difna xierqa u dinjituża” wara li ħadd ma resaq biex jorganizzalhom funeral – One News

Notifiki

4 persuni ser ikollhom “difna xierqa u dinjituża” wara li ħadd ma resaq biex jorganizzalhom funeral

Erba’ persuni, fosthom tliet Maltin se jindifnu skont protokoll pubbliku wara li ħadd ma resaq ‘il quddiem biex jorganizza l-funeral tagħhom.

Dawn il-persuni ilhom minn tal-inqas tliet xhur fil-friża tal-kamra mortwarja fl-isptar Mater Dei u issa r-responsabilità għal difna xierqa u dinjituża waqgħet f’idejn l-istat.

Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Patoloġija Dr. Chris Barbara spjega kif mat-tielet xahar li dawn il-katavri jkunu għadhom fil-friża, jintbagħtu notifiki reġistrati sabiex jingħata l-aħħar ċans biex xi qraba jew ħbieb jersqu ‘l quddiem, ġeneralment permezz ta’ kummissjonat tal-funerali.

“Nagħmlu dan il-proċess tliet darbiet, jiġifieri kull darba nibagħtu ittra notifikata u reġistrata għal tliet darbiet. Meta naraw li ħadd ma reġa’ rrisponda, f’dak il-każ aħna ninfurmaw lid-direttur mediku u s-CEO tal-isptar Mater Dei kif ukoll lis-supretendent tas-saħħa pubblika biex aħna nitolbu l-permess biex norganizzaw il-funeral bi spejjeż tal-Gvern.”

Apparti li l-ispejjeż ilaħħqu l-eluf wara li dawk li ħallewna jkunu ilhom ġimgħat fil-friża mingħajr ma jiddekomponu, din is-sitwazzjoni tixhed realtà li tkexkxek.

Is-solitudni hija sitwazzjoni li l-Professur Andrew Azzopardi jisħaq dwarha quddiem fatt li ħadd ma ndenja jersaq ‘il quddiem biex jidfen lil dawn il-persuni.

 “Ikun hemm sitwazzjonijiet illi jiena naħseb li dawn jibdew meta l-persuna tkun għadha ħajja. Jiġifieri meta inti m’għandekx network, meta inti m’għandekx nies madwarek, meta inti abbandunat qisek mitluq meta inti fil-ħajja, aħseb u ara kemm se jagħtu kasek in-nies meta tmur. U għalhekk aħna kemm bħala fakultà u naħseb bħala soċjetà qegħdin u għandna nkomplu nagħfsu fuq dan is-suġġett tas-solitudni li jmiss litteralment qabel ma tibda prattikament tgħix sa meta tmut.”

Bejn l-elfejn u sebgħa u l-elfejn u sbatax kien hemm ftit aktar minn mitejn persuna li kellu jidħol l-istat għalihom biex jindifnu f’qabar pubbliku fiċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Realtà xokkanti li l-Professur Azzopardi jisħaq li jeħtieġ li tiġi indirizzata għaliex is-solitudni toħloq problemi ferm akbar minn hekk.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend