Jiddaħħlu l-pjanti tal-bank tad-demm – One News

Notifiki

Jiddaħħlu l-pjanti tal-bank tad-demm

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) issottomettiet proposti lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ faċilitajiet ġodda għas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, Bank tad-Demm, li fil-preżent huwa allokat fl-Isptar San Luqa. Il-proġett, stmat li jiswa madwar €12-il miljun, se jsir fil-Qasam Industrijali ta’ San Ġwann u se jsir fil-viċinanzi tal-Isptar Mater Dei. 

Huwa pjanat li għal dan il-proġett jintalbu fondi mill-Fond Ewropew għas-Snin 2014-2020. Il-faċilità, deskritta li se tkun waħda state of the art, se tipprovdi diversi servizzi apparti li minn perspettivi estetiċi u ambjentali se jkollha impatt pożittiv ħafna fuq l-inħawi fejn se jinbena.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne stqarr li “Il-faċilitajiet u s-servizzi li joffri l-Bank tad-Demm li għandna huma ta’ livelli tajbin ħafna, madankollu, għandu l-limitazzjonijiet tiegħu, ħafna minnhom ikkawżati mill-fatt li l-post huwa żgħir, u mill-mod kif inhu mibni. L-intenzjoni tagħna, fil-verità d-dmir tagħna, hija li fejn huwa possibbli nintroduċu aktar servizzi ma’ li hemm filwaqt li ntejbu dawk li għandna”.

“Bla ebda dubju l-inkorporar ta’ dawn is-servizzi ġodda se jwassal għal titjib sinifikattiv f’dak kollu provdut f’dan il-qasam” tenna jgħid d-deputat Prim Ministru.

L-għan huwa li tinbena faċilità ġdida bħala Bank tad-Demm li tassigura li jibqgħu jingħataw is-servizzi kurrenti ewlenin filwaqt li tkun ta’ appoġġ għall-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda li jkunu jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta’ servizzi terapewtiċi ġodda għal pajjiżna.

B’dan il-proġett ma jfissirx li l-Bank tad-Demm fl-Isptar San Luqa jingħalaq. Fil-fatt, il-pjan huwa li s-servizz tal-għoti tad-demm jibqa’ jingħata minn fejn hu fil-preżent filwaqt li l-faċilità l-ġdida tkun tinkorpora servizzi oħrajn, bħalma huma laboratorji għall-ipproċessar tad-demm, laboratorji għall-ittestjar tad-demm, laboratorji mikrobijoloġiċi kif ukoll laboratorji li jikkontrollaw il-kwalità. Il-faċilità se taħseb ukoll għal post fejn issir manipulazzjoni taċ-ċelloli u tissue.

Is-servizzi l-ġodda jaħsbu wkoll biex ikunu jikkumplimentaw is-servizzi provduti miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Servizzi li se jwaqqfu l-bżonn li l-pazjent ikollu jintbagħat għall-kura barra mill-pajjiż meta jkun jeħtieġ trattament ta’ kimoterapija u radjoloġija li jkunu meħtieġa meta dawn ikunu jirrikjedu trapjantar ta’ ċelloli. B’hekk il-pazjent ikun jista’ jingħata l-kura f’Malta stess imdawwar mill-membri tal-familja tiegħu.

“Bla ebda dubju l-inkorporar ta’ dawn is-servizzi ġodda se jwassal għal titjib sinifikattiv f’dak kollu provdut f’dan il-qasam filwaqt li nkomplu nimxu mal-avvanzi li jsiru fih. Mill-proġett se jibbenefikaw kemm il-pazjenti kif ukoll il-ħaddiema filwaqt li se jkun qed joffri opportunitajiet ġodda lix-xjentisti, lill-ħaddiema u lill-istudenti tax-xjenzi tas-saħħa. Il-mira tagħna hi li jkollna servizz ta’ trasfużjoni tad-demm li jelimina kompletament il-limitazzjonijiet tas-servizz preżenti, ikun jaħseb għal bżonnijiet speċifiċi minn tobba u professjonisti lokali filwaqt li jipprovdi ħafna benefiċċji lill-pubbliku,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend