ARA: Kif l-istudenti wieġbu għal ‘My Journey’ ir-riforma fis-settur edukattiv – One News

Notifiki

ARA: Kif l-istudenti wieġbu għal ‘My Journey’ ir-riforma fis-settur edukattiv

Il-maġġoranza tal-istudenti li f’Ottubru li ġej se jibdew it-tielet sena sekondarja fl-iskejjel tal-istat, għażlu minn tal-inqas suġġett wieħed vokazzjonali jew applikat. 

Hekk tibda tieħu l-ħajja l-bidla msejjħa bħala My Journey.

Huma 59%  tal-madwar 4,500 student li għażlu wieħed mid-9 suġġetti vokazzjonali u 9 suġġetti applikati.

Din hi xhieda kbira tal-ħtieġa li kien hemm għal din il-bidla li fl-aħħar snin fissret tħejjijiet kbar u investiment ta’ miljuni ta’ ewro taħt it-tmexxija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Frank Fabri, segretarju permanenti fil-Ministeru fisser kif hekk jibdew jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

Fabri sostna li “Huwa ta’ pjaċir għalina. L-edukazzjoni niftħula iktar bibien. Iktar opportunitajiet għal ġejjien”.

Kien spjegat kif 10 miljun ewro kienu investiti f’laboratorji u workshops ġodda fl-iskejjel sekondarji tal-stat kollha. Fihom b’mod prattiku se mgħallma dawn is-suġġetti ħafna minnhom ġodda.

Fl-iskola sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita, magħrufa bħala tal-Verdala, f’Bormla rajna kif klassijiet inbidlu f’workshops tal-aqwa livell.

Wieħed mill-workshops huwa mgħammar bi kċina u kamra tas-sodda u faċilitajiet oħra li se jintuża mill-istudenti li għażlu l-ospitalità.

Workshop ieħor inbiddel f’kamra relatata mal-moda. Hemm innotajna l-magna tal-ħjata u manikin li fuqha se jitgħallmu jfasslu l-ħwejjeġ l-istudenti li għazlu l-kors tal-moda u t-tessut.

Dħalna f’workshop ieħor li inbiddel f’kamra ta’ sptar. Hawn se jitgħalmu l-istudenti li għazlu l-kors tas-saħħa u kura soċjali. Bil-manikin f’din il-kamra se jintuża għat-testijiet mediċi.

Hemm ukoll il-post fejn se jitħarġu dawk li l-għażla tagħhom hija l-ħarsien tat-tfal.

F’kull każ rajna apparat li jitħaddem b’teknoloġija avvanzata.

Fabri tenna li “Ħafna mill-workshops minn 80 li qegħdin isiru huma lesti. Ohrajn fadal l-aħħar xogħol fuqhom”.

Minkejja li fadal l-aħħar preparamenti meta fl-aħħar ta’ Settembru l-istudenti jirritornaw lura lejn l-iskola se jkunu jistgħu jibdew dan il-vjaġġ uniku.

Huwa temm jgħid li “Kull student seta’ jħallat is-suġġetti hu. Din tagħmel My Journey unika fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea,  it-tfal jitħalltu kollha U Għandna l-inklussività”.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend