Xogħol tal-arti jitneħħa temporanjament minn MUŻA sakemm jidra l-klima – One News

Notifiki

Xogħol tal-arti jitneħħa temporanjament minn MUŻA sakemm jidra l-klima

Xogħolijiet artistiċi li huma parti mill-kolezzjoni tal-MUŻA tneħħew temporanjament. Dan għax għadhom qed isibuha diffiċli għall-klima li kienu esposti għaliha wara snin twal f’post ieħor.

B’hekk hemm numru ta’ swali li bħalissa huma nofshom imneżża’

Kenneth Cassar, Kuratur tal-Arti u l-Etnografija fi ħdan Heritage Malta spjega kif huma madwar sittin l-opri tal-arti li tneħħew mill-mużew.

Dan għal numru ta’ ġimgħat sakemm it-tmexxija tal-mużew tireaġixxi għal dak li nnotat fl-aħħar jiem.

Spjega kif “Aħna dehrilna li bir-readings li kellna tal-kollezzjoni fil-binja li kellna qabel u r-readings li għandna issa f’din il-binja l-ġdida, għad hemm xi xogħol li jrid isir u allura ħadna miżura prekawtiva, li xogħolijiet l-aktar sensittivi għal din il-klima l-ġdida, qiegħdin controlled fi spazji differenti, sakemm fil-klima in ġenerali tal-mużew tkun kif nixtiequ aħna ħalli effetivament fi żmien qasir jerġgħu jiġu lura l-kwadri f’posthom għat-tgawdija ta’ kulħadd.”

Din l-azzjoni tixhed il-mod metikoluż li bih qed jitmexxa dan il-proġett. Cassar spjega kif hemm bosta fatturi differenti li jaffetwaw l-klima tal-bini. Fosthom il-fatt li sar restawr estensiv biex il-binja ngħatat ħajja ġdida.

Cassar qal li “Il-klima ta’ binja tiġi affetwata minn diversi fatturi, fosthom għandek pereżempju l-ħxuna tal-ħitan, kemm din qiegħda qrib spazji fil-miftuħ, kemm hija ventilata l-binja, kemm hija kapaċi jkollha gain fit-temperaturi u kemm hija kapaċi tiddisponi mit-temperatura, kif din hija ventilata.  Jiġifieri dawn huma kollha, l-ħxuna tal-ħitan infushom.”

Minħabba li min iżur il-mużew f’dawn il-jiem mhux se jista’ jesperjenza x-xogħlijiet tal-arti kollha li s-soltu jkunu esebiti fil-mużew, Heritage Malta ddeċidiet li l-prezz tad-dħul tniżżlu minn 7 ewro għal dak ta’ 5 ewro.

Dan filwaqt li qed jinbieħ biljett ukoll ta’ 10 ewro li bih wieħed ikun jista’ jżur mhux biss il-mużew MUŻA, iżda wkoll l-armerija u l-palazz tal-GranMastru li bħalissa għaddejjin wkoll xogħlijiet fih.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend