“M’hemm xejn xi jżomm l-Open Arms iniżżel l-immigranti f’Lampedusa” – il-Guardia Costiera – One News

Notifiki

“M’hemm xejn xi jżomm l-Open Arms iniżżel l-immigranti f’Lampedusa” – il-Guardia Costiera

“M’hemm xejn xi jżomm il-bastiment Open Arms milli jniżżel l-immigranti abbord fuqu f’Lampedusa”.

Din hija dikjarazzjoni ċara tal-Guardia Costiera li qed tiġi rappurtata bi prominenza fil-midja Taljana.

Fl-aħħar sigħat l-Open Arms li qed jingħad li għandu mija u erbgħa u tletin immigrant abbord fuqu salvati bejn sema u ilma daħal fl-ibħra territorjali Taljani ftit barra minn Lampedusa.

Dawn l-immigranti flimkien ma’ oħrajn fuq bastiment ieħor bl-isem ta’ Ocean Viking ilhom jiem twal jixxenglu mal-mewġ tal-baħar fil-Mediterran.

Tul il-jum tal-Ġimgħa tniżżlu madwar tlettax-il persuna f’Lampedusa peress li s-sitwazzjoni tagħhom marret għall-agħar u kellhom bżonn kura medika.

Numru ta’ għaqdiet mhux governattivi ħarġu dikjarazzjoni pubblika jħeġġu lill-Gvern Malti jdaħħal dawn il-bastimenti li ġabru n-nies minn fuq il-baħar wara li dawn aktarx telqu minn xi port fil-Libja.

L-għaqdiet qalu li l-kundizzjonijiet qed jeħżienu u sostnew li Malta għandha tara li jidħlu fil-portijiet tagħha anke jekk mhux responsabbli bil-liġijiet internazzjonali.

Kliem iebes kien indirizzat l-aktar lejn l-Unjoni Ewropea, li skont dawn l-għaqdiet qed tagħlaq il-bibien lill-persuni li ħarbu mit-tbatijiet.

Qalu li dan imur kontra l-prinċipji tal-istess Ewropa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend