Esportati minn Malta tunnellati ta’ skart elettroniku għar-riċiklaġġ – One News

Notifiki

Esportati minn Malta tunnellati ta’ skart elettroniku għar-riċiklaġġ


Minn Malta jiġu esportati tunnellati ta’ skart elettroniku li jiġu riċiklati f’faċilitajiet apposta lil hinn minn xtutna.

Ġieli din l-esportazzjoni tlaħħaq anki t-tliet mitt tunnellata li tinvolvi fridges, geysers, laptops, televisions, batteriji u affarijiet oħra li filli kienu xi aġġeġġ f’idejna u imbagħad spiċċaw skartati għax ma baqgħux jaħdmu.

Brian Cardona  li l-kumpanija li jmexxi hija stakeholder ewlenija fir-riċiklaġġ f’Malta jisħaq fuq il-bżonn tar-riċiklaġġ u skont hu l-prassi li biex tirriċikla trid tibqa’ tarmi mingħajr ma tħallas mhiex sostennibli.

Spjega kif “Jintremew ġo CA site, tista’ tkun preżenti bejn għaxra u ħmistax il-fridge kuljum jew ħamsa sa għaxra geyser kuljum. Issa dawn ma tistax titfagħhom ġo post u jibqgħu hemm. L-ewwel nies jagħmlu ħsara lill-ambjent u t-tieni hemm iċ-ċans li tirriċklihahom.”

F’wieħed mill-imħażen tas-Sur Cardona stajna naraw għadd ta’ oġġetti elettroniċi li qed jintbagħtu f’faċilitajiet fil-Ġermanja, il-Polonja u l-Italja biex isir riċiklaġġ iżjed fil-fond.

Qal kif “Nesportawhom u mmur personalment jiena ġo facilities ġo l-Ewropa fejn nivverifika l-fatt illi huma up to standard mal-Unjoni Ewropea, nilħqu agreement magħhom u nesportaw għall-iktar treatment fejn jipproċessaw iktar fil-fond, fejn dan fil-futur, parti minnu jista’ jsir hawn Malta.”

Is-Sur Cardona żied jispjega li hemm oġġetti li jiġu riċiklati li saħansitra l-organizazzjoni li jmexxi tħallas għaliex huma oġġetti li jrendu u l-faċilitajiet fejn jintbagħtu jaħtfuhom qishom pastizzi.

Għalhekk jerġa’ jisħaq li r-riċiklaġġ tal-apparat elettroniku huwa niċċa li tista’ tiġi żviluppata iktar fl-ekonomija Maltija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend