Fi stqarrija tal-Gvern ta’ Malta kien spjegat kif rapporti mxandra fuq mezzi tax-xandir, li kienu wkoll riprodotti minn membri tal-Oppożizzjoni, dwar allegazzjonijiet ta’ żidiet fil-pagi tal-membri tal-Kabinett huma għal kollox foloz.
Fost id-Deputati Nazzjonalisti li qabblu salarji ta’ Segretarju Parlamentari tal-2018 ma’ tal-2017 kien hemm Jason Azzopardi. Li ma ndunax kien li s-salarju tal-2018 kien għal sena sħiħa, filwaqt li dak tal-2017 kien għal biss sitt xhur, bil-persuni li saret referenza għalihom daħlu fil-kariga f’Ġunju wara l-elezzjoni.
Il-Gvern kien ċar meta qal li s-salarji tal-membri kollha tal-Kabinett għadhom eżatt l-istess kif kienu fl-2013.
“Huwa pwerili kif ir-rapporti mxandra fuq aħbar falza li saru żidiet fil-pagi kienu bbażati fuq eżerċizzju li bih tqabblu l-pagi ta’ nofs sena għas-sena 2017 ma’ sena sħiħa fl-2018. Jidher li wara dan l-eżerċizzju, l-awtur tal-istorja ħareġ bil-konklużjoni żbaljata li s-salarju ta’ Segretarju Parlamentari rdoppja,” qal il-Gvern ta’ Malta.