L-Istitut għall-Istudji Turistici ħabbar li kellu żieda ta’ 53% għal programmi full-time imqabbel ma’ studenti ġodda tas-sena l-oħra.
Il-programmi bl-ogħla żieda ta’ studenti ġodda huma fiċ-Ċertifikat fl-Ivjaġġar u t-Turiżmu, id-Diploma Nazzjonali Ogħla fl-Iggwidjar u fil-Baċellerat fl-Arti Kulinarja, li huwa offrut b’kollaborazzjoni ma’ l-Institut Paul Bocuse fi Franza.
Minħabba diversi talbiet, l-Istitut iddeċieda li jżomm l-applikazzjonijiet tiegħu miftuħa sal-31 ta’ Awwissu 2019. Studenti prospettivi jistgħu japplikaw online fuq www.its.edu.mt.
Il-Kap Ezakuttiv tal-ITS, is-Sur Pierre Fenech iddikjara li l-ITS huma kuntenti ħafna b’din iż-żieda ta’ studenti ġodda, li għażlu li jafdaw l-ITS biex jibdew jew ikomplu l-istudji tagħhom fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Aħna pożittivi li dan se jkun pass li jgħin lill-istudenti tagħna jxerrdu l-ġwienaħ tagħhom f’karriera ta’ suċċess, l-istess kif rajna ma’ studenti tal-ITS tal-passat. Aħna nħarsu ‘l quddiem biex nilqgħu kemm lill-istudenti kurrenti kif ukoll dawk prospettivi fuq il-kampus aktar tard ix-xahar id-dieħel.
L-Onor. Ministru għat-Turiżmu, Dr Konrad Mizzi qal li l-fatt li n-numru ta’ applikazzjonijiet għal korsijiet fl-ITS żdied sostanzjalment huwa inkoraġġanti ħafna. Dan huwa sinjal ċar li aktar u aktar studenti qed jitħajru mill-karrieri fis-settur tal-ospitalità u t-turiżmu.
Dr Mizzi kompla billi qal li l-ITS qed iħejji għal din id-domanda akbar billi joffri korsijiet ġodda u innovattivi mil-livell tal-Fondazzjoni li jitilgħu sal-Masters. Din is-sena l-Istitut nieda kors ta’ Masters fil-International Hospitality Management b’kollaborazzjoni mal-Emirates Academy of Hospitality Management.