L-uniku persuna li salva jirrakkonta t-traġedja li ra b’għajnejh – One News

Notifiki

L-uniku persuna li salva jirrakkonta t-traġedja li ra b’għajnejh

L-immigrant li ġie salvat permezz ta’ ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta f’nofs ta’ baħar u li ritratt tiegħu mixħut fuq katavru tefa’ dawl xokkanti fuq ir-realtà li teżisti fil-Mediterran bħalissa, spjega kif miegħu kien hemm 14-il persuna oħra li kollha mietu. 

Ma’ The Times of Malta, l-immigrant mill-Etjopja ddentifika ruħu bħala Mohammed Adam Oga u huwa l-uniku persuna li salvat minn din it-traġedja bejn sema u ilma.

Fuq is-sodda fl-isptar Mater Dei, mingħajr ma jista’ jimxi fuq saqajh, huwa tkellem bi tbatija u permezz ta’ interpretu rringrazzja lil Forzi Armati ta’ Malti li salvawlu ħajtu.

 “Thank you to the people who rescued him and he is saying that he’s saying that if they didn’t come to him to rescue him he would have been dead”, qal Oga.

Ir-raġel li saħaq kif għamel ħmistax-il sena jgħix fl-Eritreja u fis-Sudan wara li ħarab minn pajjiżu għax jifforma parti minn grupp separatista li qed jfittex l-indipendenza mill-Etjopja saħaq li sħabu fil-Ġermanja kkonvinċewh biex imur ħdejhom.

Huwa wasal l-Libja u ltaqa’ ma’ Somalu bl-isem ta’ Ismail. Hemmhekk ftehmu ma’ Libjan li tahom dinghy bil-fjuwil, xi ikel u xorb u fl-ewwel t’Awwissu telqu minn Żawija.

“Ħallast 700 dollaru u dan il-Libjan tana saħansitra GPS u qalilna biex immorru Malta bid-dgħajsa li fuqha kien hemm anki mara tqila”, spjega Mohammed fuq soddtu bid-drip imqabbad miegħu hekk kif għamel jiem mingħajr ma jixrob imqar qatra ilma tajba għax-xorb.

Kompla jgħid li d-dinghy l-ewwel spiċċalha l-fjuwil imbagħad spiċċalhom l-ikel u anki x-xorb.

“Għajjatna għall-ajjut minn dgħajjes li għaddew minn ħdejna u anki minn ħelikopter li ġie u telaq”, sostna Mohammed hu u jirrakonta esperjenza qarsa li iżda għalih intemmet b’wiċċ il-ġid.

Saħaq kif imbagħad mietu l-ewwel żewġ persuni abbord id-dgħajsa wieqfa tixxengel mal-mewġ.

“Taħt xemx taħraq bdew imutu żewġ persuni kuljum u konna kostretti nitfgħu l-iġsma bla ħajja l-baħar għaliex bdew jintnu f’dik is-sħana”, żied jgħid l-Etjopjan.

“Fl-aħħar kien fadal jien u Ismail, is-Somalu li nstab mejjet fuq id-dinghy u dan qalli li tilef kull tama u għalhekk jaqbel li jmutu lkoll”, kompla jirrakonta Mohammed.

Huwa żied jispjega li dan rema’ l-GPS it-telefon ċellulari iżda l-immigrant salvat dlonk qal lis-Somalu li jekk ried imut, imut waħdu għaliex huwa ried jibqa’ ħaj.

“Kont qed ngħix f’ħolma u lanqas kelli l-iċken ħjiel li Ismail miet ukoll. Alla bagħtli l-għajnuna”, hekk kif reġa’ rringrazzja lill-uffiċjali Maltin li niżlu għalih fil-baħar biex salvawh.

 

Ritratti tal-immigrant: Diana Cacciattolo/ Times of Malta

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend