ATTENT: Żdiedu l-flus foloz – One News

Notifiki

ATTENT: Żdiedu l-flus foloz

 L-akbar ammont ta’ flus foloz f’Malta huma f’karti tal-50 jew 20 ewro.

Fil-fatt dawn jammontaw għal 89% tal-flus foloz li nstabu.

Dan ħareġ minn tagħrif li għadda l-Bank Ċentrali ta’ Malta hekk kif fl-ewwel nofs din is-sena kien hemm ftit aktar minn 800 karta tal-flus li ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni għaliex kienu foloz.

Dan l-ammont kien ogħla minn dak reġistrat fl-ewwel nofs tas-sena l-oħra u anki mit-tieni nofs.

Min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ flus foloz ta’ karti t’għaxar ewro naqas f’pajjiżna.

Fi stqarrija l-Bank Ċentrali jispjega li l-proporzjon tal-flus foloz xorta għadu ċkejken ħafna.

Dan meta jqis li flus ċirkolati fl-ewwel nofs tas-sena kien hemm ftit aktar minn tnax-il miljun karta.

Fiż-żona ewro sħiħa l-ammont ta’ flus foloz maqbud kien ta’ ftit aktar minn kwart ta’ miljun karta.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta saħaq li minkejja l-ammont baxx ta’ flus foloz irrapportati, xorta wieħed irid iżomm għajnejh miftuħa u joqgħod attent ma jingidimx.

Dan filwaqt li l-manifatturi tat-tagħmir tal-karti tal-flus ser ikomplu jirċievu sapport mill-Eurosistema fl-adattament tal-magni u t-tagħmir tagħhom għall-awtentikazzjoni għall-karti tal-flus il-ġodda.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend