Iddisinja l-libsa tat-tieġ tal-għarusa tiegħu stess – One News

Iddisinja l-libsa tat-tieġ tal-għarusa tiegħu stess

Skont it-tradizzjoni, normalment hija l-għarusa u l-familjari tagħha li jkunu raw il-libsa tat-tieġ tal-għarusa minn qabel. Ħafna drabi l-għarus inkluż il-mistednin jaraw għall-ewwel darba l-libsa tal-għarusa waqt iċ-ċerimonja tal-quddies, jew fis-sala tat-tieġ. Iżda l-gazzetta KullĦadd intervistat koppja li l-għarus iddisinja hu stess l-libsa tat-tieġ ta’ martu.

Kersten Borg li għandu 27 sena, joqgħod Marsaskala u jaħdem bħala konsulent fil-qasam tal-moda, stilista u disinjatur ta’ lbiesi tal-okkażjoni, importatur tal-ħwejjeġ, basktijiet u ħwejjeġ, u direttur ta’ Miss Malta.

Huwa ddeskriva lilu nnifsu bħala persuna pożittiva, enerġetika u dejjem miftuħ biex jitgħallem iktar, persuna b’viżjoni u jippjana għanijiet annwali, u kapaċi jagħmel ħidmiet differenti fil-ħin tal-ġurnata. Jipprova jara l-pożittiv f’kollox u jemmen ħafna fil-prinċipji tas-sewwa, tal-onestà u tal-lealtà.

Mal-gazzetta KullĦadd Kersten stqarr li “Għalkemm fix-xogħol tiegħi naħdem fis-serjetà ikun hemm ħinijiet li jkun hemm sens ta’ umoriżmu ukoll. Inħobb il-kunċett ta’ kompetizzjoni u sfidi ġodda fil-ħajja fejn il-karattru jkun imġedded u msaħħaħ. Nipprova nkun puntwali kemm għal xi laqgħa u kif ukoll biex inwettaq biċċa xogħol fil-ħin stipulat. Inħobb ħafna l-familja u nqatta’ ħin intimu mal-qraba tiegħi, ġenituri, nanniet u ħbieb ta’ ġewwa”.

Proprju l-Ħadd 21 ta’ Lulju 2019 Kersten ingħaqad fiż-żwieġ ma’ Shanice. Għall-kuntrarju ta’ ħafna għarajjes, huwa kien jaf kif ser tkun il-libsa tat-tieġ tat-tfajla tiegħu. Tant hu hekk li kien ikun preżenti magħha għall-provi tal-libsa. Shanice qalet “Ġiet xi ħaġa naturali meta bdejna nħejju ruħna għat-tieġ. Konna wasalna fi stadju meta dik li llum hija marti, bdiet tfittex u tara l-gosti tagħha minn fuq ritratti. Wasalna fi qbil, li ladarba jien ma kinitx l-ewwel darba li ddisinjajt xi ħaġa ta’ dan it-tip u ma nemmnu xejn fis-superstitizzjoni, niddisinja l-libsa tat-tieġ jien. Ovvjament dan jinkludi proċess twil u kelli nieħu deċiżjonijiet fuq il-materjal, il-kulur, il-lewlu, il-ġawhar għal fuq il-libsa, eċċ. Lejn l-aħħar xhur ta’ qabel it-tieġ kellna madwar tliet sessjonijiet ta’ prova fejn biddilt affarijiet żgħar fil-libsa,” kompla jgħid Kersten mal-gazzetta KullĦadd.

Meta ġie mistoqsi xi jfisser dan il-jum għalih hu wieġeb li “Huwa ta’ unur kbir għalija u nibqa’ ngħożż din l-esperjenza tul ħajti kollha. Li kieku kelli nitwieled mill-ġdid l-istess kont nagħmel, ma jiddispjaċini xejn. Din ma fixklet xejn mill-eċċitament tiegħi fl-istennija għall-għarusa hi u dieħla għaċ-ċerimonja tat-tieġ, anzi kelli dmugħ f’għajnejja filwaqt li ħassejtni kburi.”

Huwa tenna li  “Il-libsa bdejt naħdem fuqha sentejn qabel id-data tat-tieġ. Tal-familja ma kellhomx idea tagħha l-libsa u bi qbil ma’ marti żammejna l-libsa sorpriża għalihom. Bħala ideat ħadt ħafna punti minn fuq ir-ritratti li kienet ġabret Shanice. L-ewwel idea kienet libsa jgħidulha sheat dress li tkun libsa dejqa minn fuq għal isfel. Wara ftit xhur xtaqet li jkollha libsa għaċ-ċerimonja u oħra għal waqt il-festin. Għaldaqstant ġietni l-idea li nżidilha over-skirt detachable fejn il-libsa ta’ dan it-tip tista’ faċilment ikollha żewġ dehriet totalment differenti f’libsa waħda. Kif jgħid il-Malti b’ġebla waħda tolqot żewġ għasafar. Mal-familja u mal-ħbieb intgħoġbot ħafna u r-rispons li kellna kien pożittiv immens”.

Meta kienet qed issegwi pass pass il-libsa tat-tieġ tagħha tiġi disinjata mill-għarus tagħha Shanice kienet xi ftit xettika għall-fatt li mhix xi ħaġa normali u kif ukoll ma kinitx taf kif ser jifhmuha tal-familja, iktar milli hi nnifisha. “Però wara ftit kollox ġie f’postu u nista’ ngħid li kienet avventura sabiħa ħafna,” stqarret bi tbissima.

Meta ġie mistoqsi jekk issa li ddisinja l-libsa ta’ martu, jekk għandux il-ħsieb jiddisinja lbiesi ta’ ħaddieħor huwa “Żgur li iva. Fil-qasam tax-xogħol li naħdem fih jien hija naturali u xi ħaġa li ttini kuraġġ u sodisfazzjon li nagħmel u nwettaq.” Issa li għadda t-tieġ ridt inkun naf jekk Shanice hix beħsiebha żżomha rikordju l-libsa.

Min-naħa tagħha Shanice sostniet mal-gazzetta KullĦadd li “Il-libsa tat-tieġ ser inħalliha rekordju u x-xewqa tiegħi hija li jkolli opportunità li nerġa’ nilbisha f’xi anniversarju tat-tieġ tagħna iktar ’il quddiem u ovvjament b’sens ta’ umoriżmu u fl-istess ħin verità rrid nibqa’ l-istess qies”.

Ritratti: KullĦadd

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend