ARA: L-ewwel festival tal-arti fiċ-Ċittadella – One News

Notifiki

ARA: L-ewwel festival tal-arti fiċ-Ċittadella

Kollox jinsab lest sabiex jittella’ ċ-Ċittadella Arts Festival f’Għawdex bl-isem Beat It: A Big Band Show. 

L-ewwel festival tat-tip tiegħu u li l-idea għalih nibtet f’Settembru tal-2016 wara li ttella’ kunċert fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tar-riġenerazzjoni taċ-Ċittadella.

Minn dakinhar dan l-appuntament anwali baqa’ jinżamm hekk kif kull sajf beda jittella’ kunċert kbir bis-sehem ta’ kantanti lokali u anke barranin.

Madankollu bil-għajnuna ta’ Heritage Malta u l-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu, din is-sena dan il-kunċert inbidel f’festival mifrux fuq aktar ġimgħat b’attivitaijiet kulturali varji li jkomplu jiġbdu influss qawwi ta’ turisti lejn il-gżira Għawdxija.

Rigward l-attivitajiet varji ta’ dan il-festival One News tkellem mad-direttur mużikali tal-organizzaturi ta’ dan il-festival, is-Surmast George Apap.

Huwa stqarr li “F’dan il-kunċert kif semmejt tajjeb il-kunċert tal-ftuħ ser ikun kunċert minn naħa tagħna u kif ukoll minn band oħra mistiedna mir-Repubblika Ċeka, Big ‘O’ Band li ser jittella’ ġewwa l-foss taċ-Ċittadella fil-15 ta’ Awwissu”.

Apap żied jgħid kif matul dan il-festival hemm diversi opportunitajiet x’jinħatfu.

Apap tenna li “Jinkludu master classes għal studenti fil-strumenti tombones, trumpets u anke saxophones. Miftuħin b’xejn għal dawn l-istudenti u kif ukoll play bl-Ingliż li ġġib l-isem The bench mill-kittieb Għawdxi Angelo Camilleri”.

Dan mhux kollox hekk kif matul dawn it-28 ġurnata tal-festival, ser jittellgħu ukoll open weekends fil-mużewijiet kulturali, mixja madwar iċ-Ċittadella, taħdidiet dwar il-katidral u t-teżori tagħha, attivitajiet rikrejattivi għat-tfal ta’ Skola Sajf, esebizzjoni tal-Arti u kunċert tal-għeluq.

Għall-programm uffiċjali u aktar dettalji wieħed jista’ jżur il-paġna uffiċjali ta’ din l-attività fuq Facebook.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend