Il-Partit Nazzjonalista iddeċieda li l-Festi tal-Indipendenza ma jagħmilhomx fuq il-Fosos tal-Floriana.
Il-post tradizzjonalment marbut ma’ din iċ-ċelebrazzjoni li l-Partit Nazzjonalista dejjem iċċelebra bil-kbir.
Iżda, mal-mument li l-kelma dwar dak deċiż bdiet tiġri man-nies bdiet pressjoni kbira fuq it-tmexxija tal-partit biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni.
Anke jekk min iddeċieda qed jgħid li fi żmien Simon Busuttil ukoll kien hemm darba li ċċaqalqu minn fuq il-Fosos.
Fi gruppi bejniethom, in-nazzjonalisti qed jgħidu li d-deċiżjoni li ma jmorrux fuq il-Fosos se tkun qed turi dgħjufija mit-tmexxija, li suppost issa rebħet vot ta’ fiduċja.
ONE NEWS jista’ jikkonferma li din id-deċiżjoni ilha li ttieħdet u l-amministrazzjoni tal-partit ma ridetx tħabbarha qabel il-vot dwar Delia ftit tal-ġimgħat ilu.
Iżda, issa li baqa’ ftit iktar minn xahar u bdew l-arranġamenti s-sigriet sar magħruf fost ħafna.
Id-deċiżjoni li l-attivitajiet ma jsirux il-Fosos ittieħdet u dan minħabba l-finanzi.
Ma ridux iħabruha qabel biex ma jkomplux iżidu r-rabja kontra l-Kap f’mument fejn kien qed jiffaċja kritika ma taqta’ xejn.
Id-deċiżjoni kienet ċara. L-attivitajiet għandhom isiru quddiem u fid-Dar Ċentrali u bħala kobor ikunu inqas minn dawk li s-soltu jsiru.
Il-programm ingħalaq il-ġimgħa li għaddiet.
F’laqgħa li għaliha kien preżenti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, intqal li bil-fatt li l-Partit Nazzjonalista tilef il-ġbir ta’ fondi ta’ Ġunju żgur ma kien jagħmel ebda sens li jintefqu eluf kbar ta’ ewro biex imorru fuq il-Fosos.
Saħansitra kien deċiż li minflok il-mass meeting isir mass rally quddiem id-Dar Ċentrali. Eżatt bħalma sar fl-aħħar jum tal-kampanja elettorali tal-aħħar elezzjonijiet tal-Partlament Ewropew.
Peró dawn id-deċiżjonijiet xejn ma niżlu tajjeb mat-tesserati nazzjonalisti li f’ħakka t’għajn għamluha ċara li ma jaqblux.
Dan wassal biex Clyde Puli qal mal-maltatoday li għad trid tittieħed deċiżjoni u li qed ikun ikkunsidrat kollox. Intqal ukoll li ma tkunx l-ewwel darba li kieku l-festi ma sarux fuq il-Fosos.
Peró deċiżjoni ilha li ttieħdet u li jekk ma tkunx implimentata jkun sar hekk biss għax ikollha tinbidel sforz il-konfużjoni li nħolqot.