ARA: il-ħidma tal-fish farms biex ma jħammġux – One News

Notifiki

ARA: il-ħidma tal-fish farms biex ma jħammġux

Kull ma jmur it-teknoloġija fis-settur tal-akwakultura dejjem kompliet tavvanza u fl-aħħar xhur l-irziezet tal-ħut li għandna madwar il-gżejjer Maltin installaw lqugħ ġdid li qed iwaqqaf iż-żejt li joħroġ mill-għalf tal-ħut milli jnfirex barra mill-gaġġa.

It-Tlieta filgħodu, crew ta’ ONE News sebaħ ix-Xemxija fejn flimkien ma’ numru ta’ ħaddiema tal-fish farms, segwa mill-qrib il-ħidma relatata mat-tkabbir tal-ħut.

Wara vjaġġ ta’ madwar għoxrin minuta f’baħar ċar kristall tkellimna ma’ Chris Sant, sid ta’ razzett tat-tonn li spjegalna kif ta’ kuljum it-tonn jiekol mal-140 tunnellata ta’ sardina u makkarell.

Dan il-ħut, li jitpoġġa fil-gaġġa permezz ta’ krejn minn fuq dgħajjes apposta jerħi minnu ammont ta’ żejt u xaħam, liema żejt issa qed jinġabar kollu qabel joħroġ mill-gaġġa.

“Għamilna sistemi ġodda ta’ kif aħna nżommu madwarna nadif kemm jista’ jkun. Introduċejna sistema ta’ booms biex iżommu l-fish oil li joħroġ minn ġol-bait tagħna li ngħalfu u ġibna sistema ġdida ta’ skimmers li jibdu u jiġbdu ż-żjut kollha li joħorġu bħal ma qed taraw.”

Sant sostna wkoll li t-tindif tal-gaġġeġ hija proċedura li ssir kuljum.

“Għandna żewġ bastimenti kull dgħajsa għandha 12-il gaġġa u jibdew mill-5 ta’ filgħodu dawn u jibqgħu inaddfu sas-6pm. Sakemm il-gaġġa tkun nadifa minn kull żejt.”

Charlon Gouder, il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akwakultura, laqa’ wkoll r-riżultati ta’ testijiet li saru mill-Awtorita Maltija għar-Riżorsi u l-Ambjent f’qiegħ il-baħar. Xhieda ċara li l-miżuri li ttieħdu din is-sena ħallew il-frott.

“Flimkien mal-ERA komplejna naraw kif nistgħu nibnu fuq dik l-esperjenza li kellbna u filwaqt li r-riżultati fejn jidħol qiegħ il-baħar anki minn studji indipendenti minn persuni indipendenti li saru pemrezz ta’ footage u cameras ta’ qiegħ il-baħar irriżultaw li qiegħ il-baħar huwa pożittiv għall-aħħar huwa riżultat li lilna jimlina b’kuraġġ.”

Apparti t-tindif, iż-żamma tat-tonn fil-gaġġeġ hija biċċa xogħol metikoluża li tirrikjedi ħidma minn għexieren ta’ persuni b’rwoli differenti.

“Tinvolvi xogħol kbir, divers, bastimenti li jpoġġu l-għalf ġot-tuna pan, imbagħad ikollok id-diver li fuq kull gaġġa jkun qed jikkontrolla l-għalf ta’ kemm il-ħut qed jiekol biex ma jkollniex over feeding u biex ngġalfu malajr.”

Sant spjega li la jikber it-tonn jibda jinqabad bejn Ottubbru u Diċembru meta jaqbeż il-140 kilogramma, bl-ikbar suq għalih ikun il-Ġappun.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend