L-aħwa Degiorgio jipprotestaw dwar it-telefonati interċettati | One News

Notifiki

L-aħwa Degiorgio jipprotestaw dwar it-telefonati interċettati

L-aħwa Degiorgio li flimkien ma’ Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, preżentaw protest ġudizzjarju fejn talbu lil Avukat Ġenerali u lil Kummissarju tal-Pulizija fost l-oħrajn biex fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa jippreżentaw kopji tar-recordings u rendikont ta’ dak li ntqal fit-telefonati interċettati. 

Permezz tal-avukat tagħhom William Cuschieri, George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż u Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu sejħu t-telefonati interċettati li semmiet il-prosekuzzjoni tul il-kumpilazzjoni bħala bluff.

Huma saħqu li sa issa fil-Qorti ntqal biss x’jintqal f’dawn it-telefonati u ma ġewx preżentati jew verifikati għall-awtentiċità tagħhom.

Għal dak li kien intqal fit-telefonati fosthom li ċ-Ċiniż allegatament talab lis-sieħba tiegħu tibgħatlu l-flus fit-telefon ċellulari u mbagħad qalilha li qabad żewġ ħutiet u kbar u għalhekk biex jiċċelebraw tixtrilu flixkun inbid, l-avukat li qed jiddefendi lill-aħwa saħaq li dawn l-istqarrijiet għamlu ħsara kbira fil-każ kontra l-klijenti tiegħu li għadhom preżunti bħala innoċenti.

“Dwar dawn l-istqarrijiet kien hemm ħafna sensazzjonaliżmu fil-midja”, qal il-protest ġudizzjarju taċ-Ċiniż u l-Fulu.

Fil-protest ġudizzjarju huma saqsew ukoll jekk it-telefonati interċettati sarux skont il-liġi permezz ta’ mandat mill-awtoritajiet responsabbli dwar il-każ inkwistjoni tal-mewt ta’ Caruana Galizia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend