Timetable li ma xxekkilx il-progress sportiv | One News

Notifiki

Timetable li ma xxekkilx il-progress sportiv

L-età ta’ bejn is-sittax u tmintax-il sena hija età meqjusa bħala kruċjali fl-iżvilupp ta’ atleta. Iżda il-mod kif sal-aħħar sena ħadem il-Junior College kien qed jagħmilha diffiċli għal studenti li jkunu qegħdin jitħarrġu f’xi dixxiplina sportiva biex ilaħħqu mal-ħajja sportiva kif ukoll dik akkademika.

Spjega dan il-kap Eżekuttiv tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport Robert Magro, li tenna kif saħansitra kien hemm min kien qed jieqaf mill-isport għax ma setax ilaħħaq.

Kif jispiċċaw il-Form 5 u jkomplu il-livell post-sekondarju, xi wħud minnhom kienu jsibuha diffiċli jittrainjaw u jistudjaw fl-istess ħin, fil-fatt kien hemm drop-outs, kien ikollhom jieqfu jew inkella tkun diffiċli ħafna għalihom biex ilaħħqu u jkomplu jtejjbu l-livell tagħhom.” Stqarr Magro.

Magro fisser kif din is-sitwazzjoni kienet xprun biex l-iskola nazzjonali tal-isport laħqet ftehim mal-Junior College għal kors tal-matrikola orjentat speċifikament għal dawn l-istudenti mħabbar fl-aħħar jiem.

Dan se jwassal biex fost l-oħrajn it-timetable tkun emendata b’tali mod li fi tliet darbiet fil-gimgħa nħoloq spazju fil-bidu tal-jum biex l-istudenti sportivi jkunu jistgħu jagħmlu t-taħriġ neċessarju fid-dixxiplina tagħhom.

Magro saħaq li issa l-pass li jmiss hu ftehim simili għal studenti li qed jattendu fl-MCAST kif ukoll fl-iskola sekondarja ogħla.

Magro spjega, “Jien naħseb li għandha tiġi estiża, fil-fatt diġa kelli xi laqgħat. Il-higher kellmuni, l-MCAST kellmuni jiġifieri bla dubju ‘l quddiem din l-iskema ħa tiġi estiża.”

Dan sabiex il-progress li qed isir mal-adoloxxenti fl-etaijiet ta’ bejn il-ħdax u s-sittax-il sena ma jintilifx.

Magro fisser kif fi ftit snin minn meta twaqqfet l-iskola nazzjonali tal-isport, qegħdin jidhru sinjali ċar ta’ progress f’dixxiplini differenti.

Fl-atletika, fis-swimming, fil-waterpolo speċjalment anka fil-football u fil-basketball naħseb li l-livell ftit ftit qed jitla’. Wara kollox naħseb dak l-għan tal-iskola nazzjonali tal-isport li għada pitgħada jkollna atleti ta’ livell ma’ pajjiżi oħra.” Ikkonkluda Magro.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend