32,000 ruħ tilfu ħajjithom wara li ma setgħux jivvjaġġaw għat-trattament – One News

Notifiki

32,000 ruħ tilfu ħajjithom wara li ma setgħux jivvjaġġaw għat-trattament

Għaqdiet umanitarji għamlu appell imqanqal biex jinfetaħ mill-ġdid l-ajruport internazzjonali ta’ Sana fil-Yemen. Dan f’għeluq it-tielet sena minn meta ngħalaq dan l-ajruport f’pajjiż fejn hemm gwerra ċivili li ilha għaddejja mill-2015.

Huma jsostnu li l-għeluq tal-ajruport, riżultat ta’ no fly zone, kienet is-sentenza tal-mewt għall-bosta morda li issa ma setgħux isiefru biex jirċievu t-trattament.

Jirriżulta li sa iss diġa mietu madwar 32,000 persuna b’mewta prematura. 

Fost l-għaqdiet internazzjonali li ngħaqdu f’dan l-appell hemm il-kunsill għar-refuġjati norveġiżi u l-CARE  li qed jitolbu lill-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdi biex terġa tħalli jidħlu l-mediċini u l-pazjenti jitħallew jitilqu mill-ajruport biex jirċievu t-trattament meħtieġ.

Abda Ahmen Mohammed Qassem, għalliem ta’ 47 sena u missier ta’ sitt itfal, tilef il-battalja ma’ marda fil-fwied li kien ilu jbati minnha minn mindu kellu 13-il sena.  Dan wara li t-trattament li kellu bżonn ma setax jirċevieħ wara l-għeluq tal-Ajurport.

F’intervista li kien għamel ma’ NRC qabel tilef ħajtu huwa kien saħaq kif huwa impossibli li wieħed joħroġ mill-Yemen wara l-għeluq tal-ajruport.

 “Anke vjaġġ ta’ tminn siegħa isir diffiċli għalija għaliex l-ilma jibda jinġema fl-istonku u f’saqajja.  Diffiċli nmur Aden u biex nagħmel il-proċeduri ta’ qabel il-vjaġġ bħal passaporti, rapporti mediċi.  Nixtieq li jiftħu l-ajruport ħalli kull min jiflaħ iħallas għall-vjaġġ ikun jista’ jivjaġġa u jirċievi t-trattament barra.”

Fatima Al Kayal rat lil binha jitlef il-ġlieda kontra l-kanċer.  Dan wara li ma setax jsiefer sabiex jirċievi trattament speċjalizzat għal tumur f’moħħu.

F’intervista li għamlet l-għada tal-mewt ta’ binha,  Fatima saħqet kif is-servizzi tas-saħħa fil-pajjiż mhux jiffunzjonaw sew.

“Aħna maqbuda hawn u n-nies huma dgħajfin.  Trid il-ħin biex tirċievi trattament fl-isptarijiet lokali u t-trattament jiswa ħafna flus.  Irriduhom jiftħu l-ajruport f’Sana f’ġieħ il-ħajja tan-nies. Yemen fqira, Yemen fraġli, Yemen meqruda.”

L-NRC u l-CARE qed jitolbu biex il-partijiet konċernati isibu qbil u jinfetaħ mill-ġdid l-ajruport f’Sana għall-titjiriet kummerċjali.  Dan filwaqt li qed jitolbu l-Ingilterra, Franza u l-Amerka sabiex jagħmlu pressjoni minn kull naħa sabiex jispiċċaw l-argument politiċi li qed iżommu l-ajruport magħluq.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend