Skema ġdida għall-kunsilli lokali li tippromwovi l-eżerċizzju fiżiku – One News

Notifiki

Skema ġdida għall-kunsilli lokali li tippromwovi l-eżerċizzju fiżiku

F’Marzu li għadda s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis ħabbar skema għall-kunsilli lokali li tippromwovi l-eżerċizzju fiżiku u l-isports. Din hija skema li tindirizza miżura tal-baġit li tippromwovi l-benesseri u l-ħajja sana. L-għan ta’ din l-iskema hi li ċ-ċittadini jkunu mħeġġa jagħmlu eżerċizzju fiżiku permezz ta’ diversi programmi speċifiċi, sports u attivitajiet oħra. Dawn jgħinu biex titjieb is-saħħa fiżika u mentali u anke l-benessere taċ-ċittadini. Il-kumitati reġjonali u l-kunsilli lokali kollha kienu eliġibbli li japplikaw għal fondi permezz ta’ din l-iskema. Il-fond totali allokat kien dak ta’ €98,521 u minn din l-iskema bbenefikaw 40 kunsill lokali u l-kumitat reġjonali tax-Xlokk. 

Is-Segretarju Parlamentari żar il-Kunsill Lokali tal-Marsa biex jara din kif l-iskema tħalli l-frott tagħha. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li dawn l-attivitajiet huma kruċjali ħafna għall-komunitajiet tagħna minħabba li l-eżerċizzju jtejjeb is-saħħa u jnaqqas ir-riskju ta’ diversi mard. Is-Segretarju Parlamentari għalaq billi qal li l-attivitajiet sportivi u fiżiċi ngħataw prijorità anke fir-riforma li qed issir fil-gvern lokali, billi l-kumitati reġjonali se jibdew jikkordinaw attivitajiet sportivi u fiżiċi mal-kunsilli lokali fuq bażi reġjonali biex jippromwovu u jinċentivaw aktar is-saħħa u l-wellbeing tar-residenti. Barra minn hekk f’kull kunsill lokali issa hemm kunsillier responsabbli għall-isports u għall-attivitajiet fiżiċi.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend