Terromot politiku ieħor fl-Italja wara li l-mexxej tal-partit kontroversjali Lega Nord Matteo Salvini sejjaħ għal elezzjoni ġenerali bikrija. Salvini ddikjara bi kliem ċar li d-differenzi li jeżistu bejn il-membri fil-koalizzjoni ma jistgħux jissewwew.
Il-midja Taljana qed tirrapporta li Salvini sejjaħ biex jitlaqqa’ l-Parlament biex juri li ntilfet il-maġġoranza. Huwa żied jgħid li huwa inutli li jibqgħu fil-Gvern b’partit li jgħid le għalkollox u mifni bil-ġlied intern. Qal li t-Taljani għandhom bżonn tal-istabbilità. Huwa warrab il-possibilità ta’ gvern teknokratiku u qal li wara dan il-gvern, il-pajjiż irid imur għal elezzjoni ġenerali.
Min-naħa tiegħu, il-kap tal-Movimento Cinque Stelle Luigi Di Maio qal li l-Partit ta’ Salvini daħaq bil-pajjiż u issa jrid iħallas il-konsegwenzi. Huwa żied jgħid li l-partit tiegħu mhux jibża’ minn elezzjoni oħra.
Din il-kriżi politika kbira fl-Italja waslet anqas minn sena u nofs wara li Salvini u Di Maio qablu li jifformaw is-66 Gvern Taljan mit-Tieni Gwerra Dinjija.