Is-Surġent u s-Sindku dwar “pulizija ġodda” fil-Mellieħa – One News

Notifiki

Is-Surġent u s-Sindku dwar “pulizija ġodda” fil-Mellieħa

Erba’ pulizija jinsabu assenjati mal-komunità Mellieħija f’dak li hu t-tħaddim ta’ proġett pilota għall-pulizija fil-komunità.

Fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien spjegat kif dan il-ħsieb hu part minn strateġija għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u b’dan il-mod l-pulizija jkunu aktar qrib iċ-ċittadini, filwaqt li fil-lokal jinħass sens ikbar ta’ sigurtà.

Is-Surġent Gabriella Gatt hija waħda mill-pulizija tal-komunità fil-Mellieħa. 

Mill-15 ta’ Lulju, hi u tlett pulizija oħra, għamlu mija erbgħa u għoxrin siegħa ta’ rondi bil-mixi fit-toroq tal-Mellieħa. Hawn irrapurtaw 30 inċident, inħarġu13il twissija verbali u ingħataw tmien ċitazzjonijiet.

“Nidħlu hawnhekk, Il-pulizija jidhlu jaraw l-emails li nirċievu mir-residenti li jixtiequ li jkellmuhom, Naraw x’rapporti jidħlu mal-lejl,  jekk ikun hemm bżonn nagħtu support lil xi vittmi. Jibgħatu feedback lili tax-xogħol li għamlu u jiktbu l-footpatrol li għamlu”, stqarret is-Surġent Gabriella Gatt.

Is-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella spjega kif dan hu kunċett li ntlaqa’ mill-komunità Melliħija.

“Il-feedback tajjeb ħafna u jidher li dan il-progett se jkun tas-suċċess fil-pulizija ikunu qrib ir-residenti”, tenna is-Sindku tal-Mellieħa

Bħala parti mill-proġett il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa offra uffiċju fil-bini tal-kunsill li fih iċ-ċittadini jistgħu jmorru jitkellmu mal-pulizija.

Kien spjegat ukoll kif wara sitt xhur, se ssir analizzi ta’ kif ħadem il-proġett u jiġi estiż f’lokalitajiet oħra.

Fl-istess waqt, spjega l-Kummissarju Lawrence Cutajar, l-għassa tal-Mellieħa xorta waħda se tibqa attiva, anke jekk biex wieħed jista’ jmur ukoll il-Kunsill Lokali.

“Ċittadin iħossu iktar komdu. Min jidejjaq imur l-għassa l kunsilli tal-mellieħa offrielna post min fejn cittadin jista jiġi jigi hawnhekk jiddiskuti l-problemi tagħhom”, qal il-Kumissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li b’inizjattivi bħal dawn ukoll tonqos il-kriminalità, li mill-2017 bdiet nieżla b’mod konsistenti.

“Bdejna nimplimentaw inizjativi. Fl-ewwel sena kellna tnaqqis ta’ wieħed fil-mija u din is-sena tnaqqis bejn 4 u 5 fil-mija minn jannar sa Ġunju. Qegħdin nenfasizaw li nipprevjenu l-kriminalità u community policing huwa għal dan il-għan”.

Dan il-proġett huwa wieħed minn kullana ta’ inizjattivi, fost oħrajn qed isir investiment kbir ukoll fir-riżorsi u t-tagħmir tal-pulizija.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend