F’sajf fejn qed titqajjem kuxjenza kbira dwar il-bżonn li nżommu l-ibħra nodfa, kumpanija lokali tad-distribuzzjoni tal-farmaċewtika investiet fi proġett li se jagħmel differenza li tinħass u tidher.
Dan meta ffinanzjat proġett ta’ Seabin fil-Bajja ta’ Spinola f’San Ġiljan.
Żona li fiha ta’ sikwit jinġema ammont konsiderevoli ta’ skart.
John Jaccarini, wieħed mid-diretturi tal-kumpanija, spjega li s-seabin, jitpoġġa fil-baħar biex inaddfu mill-plastik, ħmieġ u skart ieħor li jinġema fil-bajja.
Spjega kif “Boroż u hekk pero ovvjament anka skart ħafna iżgħar bħal microplastics li ħafna drabi metodi tradizzjonali ma jigbudhomx.”
Jaccarini spjega li s-sistema, li swiet għaxar t’elef ewro, taħdem permezz ta’ pompa li tiġbed lejha nnifisha l-ilma baħar flimkien mal-iskart. B’dan il-mod l-iskart jinġema fil-kontenitur.
Huwa stmat li seabin bħal dan iġbor man-nofs tunellata ta’ skart f’sena.
Barra min hekk, hija tiġbor ukoll żjut u fjuwils mill-opri tal-baħar.
Qal li “Is-seabin tiffiltra wkoll iż-żjut u ovvjament bajja bħal Spinola fejn hawn ħafna inġenji tal-baħar ovvjament apparti ż-żjut li jidħlu bil-kurrenti, anka tal-post jiġifieri anke ż-żjut u dat-tip ta’ skart.”
Żied jispjega kif barra l-effetti pożittivi fuq l-ambjent marittimu, is-sistema mwaħħla f’San Ġiljan ma toħloqx impatt negattiv fuq l-emissjonijiet.
Is-seabin jitnaddaf darba f’ġimgħa sabiex dan jibqa’ jagħti r-riżultati mixtieqa.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ ProHealth Peter Apap fisser kif b’din l-inizjattiva, il-kumpanija tittama li titqajjem kuxjenza dwar il-bżonn ta’ ambjent aħjar, f’waħda mill-aktar żoni bieżla f’pajjiżna.
Qal kif “Nagħmluha post prominenti bħal San Ġiljan għar-raġuni li hawn foot traffic enormi hawnhekk matul is-sena kollha u xtaqna li nżidu l-awareness tan-nies u ta’ kumpaniji kummerċjali oħra.”