Karba silenzjuża li ttaqqallu ħajtu – One News

Notifiki

Karba silenzjuża li ttaqqallu ħajtu

Malli jiftaħlek il-bieb u jsellimlek, Carmel, jew aħjar Charlie, itik l-impressjoni li bħal ħafna anzjani oħra se jqatta’ jum rilassat. 

Iżda lil Charlie ix-xorti ma daħqitlux.

10 ilu, il-mara tiegħu Mary bdiet turi sinjali ta’ dimenzja.

Charlie spjegalna li kollox kien aktar ċar meta waqt btala tal-familja fl-2012, bintu nnutat li ommha mhux tirreaġixxi bħas-soltu.  Żjara għand it-tabiba hekk kif waslu lura Malta kienet tbeżbiża kbira għalihom.

“Dakinhar ġiet diagnosed, 2012, u minn dakinhar ‘l hawn dejjem sejra lura u b’xi ħaġa ġdida”, tenna jgħid Charlie.

Carmel qalilna li hu u martu sabu wens kbir fid-diversi servizzi li joffri l-Gvern għal persuni bil-kundizzjoni tad-dimenzja.

Fil-fatt, huwa laqgħa l-fatt li għall-ewwel darba, il-Gvern qed jorganizza l-ewwel Premjijiet Nazzjonali lil dawk li b’xi mod ikunu taw kontribut lill-persuni b’din il-kundizzjoni.

“Kont insib diffikultà kif naħdem kieku. Għalhekk qed nieħu gost biha din imma nixtieq ikun hawn xi għaqda biex min ikun bħali u aktar ‘il quddiem isib ruħu waħdu. Naf li jekk inkunu grupp ikun aħjar. Diġà naf tnejn li l-mara bdiet sejra lura”, qal Charlie.

Madwar 8 xhur ilu Mary marret għall-agħar, tant li sa ġimgħa ilu kienet bil-griżma

“It-tabiba l-ewwel ma qaltli, li she is shutting down, slowly but peacefully. Qaltli nagħmlilha l-griżma, għaliex it might take hours days or months”, qal Charlie

Carmel tkellem magħna li fost l-aktar affarijiet diffiċli għalih kien hemm dik li jaċċetta l-fatt li Mary tiegħu jaf ma tantx fadlilha magħna.

Charlie stqarr li “Fil-ħajja tidra taqla’ d-daqqiet u allura qatt ma staqsejt għalfejn ġara hekk lilna. Titkellem ma’ min titkellem, kollha jgħidulek b’xi ħaġa”

Carmel isib ftit serħan fil-fatt li jaf li martu mhux tbati, għalkemm biex jieħu ħsiebha għandu bżonn is-saħħa. Saħħa mhux biss fiżika, iżda wkoll dik li tista’ tagħtik l-imħabba

“Trid tkun tħobb. U mhux il-mara biss imma li tkun minnek tħobb tgħin”, temm jgħid Charlie.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend