Xelter ġdid għall-vittmi tal-vjolenza domestika fiż-Żejtun | One News

Notifiki

Xelter ġdid għall-vittmi tal-vjolenza domestika fiż-Żejtun

B’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro l-Arċidjoċesi ta’ Malta nediet proġett ta’ riġenerazzjoni f’Dar Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun. 

Dan hekk kif bħalissa l-Knisja permezz tal-Fondazzjoni Sebħ tinsab fil-proċess li tmexxi x-xelter għall-familji u vittmi tal-vjolenza domestika minn Dar Qalb ta’ Ġesu fil-Ħamrun għal Dar Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun.

Fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew ukoll xogħlijiet strutturali biex il-propjetà tal-Ħamrun, b’valur ta’ 8 miljun ewro tinbidel f’kumpless għall-kura paljattiva mmexxi minn Hospice Malta.

Id-Direttur tal-Fondazzjoni Sebħ, Yvonne Mallia, spjegat li malli jitlesta l-proġett, id-dar se jkollha tlieta u tletin sodda, b’disa’ appartamenti għal disa’ familji.

Yvonne Mallia, Direttur tal-Fondazzjoni Sebħ stqarret li “Huma jkollhom flat kull wieħed in-nisa jiġifieri jgħixu ġo flat għalihom bil-kmamar tas-sodda tagħhom bil-kċina tagħhom. Imbagħad għandhom il-common areas ovvjament għandek il-kmamar ta’ terapija għax aħna l-programm huwa biex ngħinuhom joħorġu mid-diffikultajiet li jkunu għaddew minnhom”.

Żiedet tgħid li qed jiġu rriġenerati wkoll kmamar rikreattivi għall-familji li se jgħixu f’din il-binja.

Fost oħrajn spjegat kif l-Arċidjoċesi u l-Fondazzjoni se jinkludu wkoll kamra li fiha nies b’fidi u reliġjonijiet differenti jkunu jistgħu jipprattikaw it-twemmin tagħhom.

Mallia tenniet: “Għandek il-common areas, TV room, għandek l-ispiritual room fejn aħna nilqgħu fid-djar tagħna nies minn kulturi u reliġjonijiet differenti u f’din il-kamra allura jistgħu jippratikaw ir-reliġjonijiet differenti tagħhom.

Id-Direttur tal-Fondazzjoni Sebħ, temmet tgħid li r-riġenerazzjoni ta’ din id-dar mistennija titlesta sa tmiem din is-sena biex f’Jannar, familji li jisfaw vittmi tal-vjolenza domestika jkunu jistgħu jagħmlu użu minnha.

Hija appellat ukoll għall-għajnuna mill-pubbliku sabiex dan il-proġett jitlesta fl-iqsar żmien possibli.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend