Tonqos b’60% id-dipendenza soċjali – One News

Notifiki

Tonqos b’60% id-dipendenza soċjali

Minn meta nbidel il-Gvern kien hemm tnaqqis ta’ 60% f ’dawk li huma persuni dipendenti fuq l-assistenza soċjali. Tikkonferma dan analiżi ta’ statistika li ħarġet iktar kmieni din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u li qabbilnieha mal-2012, l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista. Dakinhar kien hemm 11,795 persuna li kienu jieħdu l-assistenza soċjali. F’Ġunju ta’ din is-sena l-ammont ta’ nies dipendenti mill-assistenza soċjali naqas għal 4,759. Dan it-tnaqqis ta’ kważi 60% seħħ minħabba li pajjiżna qed ikollu tkabbir ekonomiku li qed jilħaq lil dawk l-aktar fil-bżonn. 

Anke jekk dan il-Gvern issa ilu numru ta’ snin bir-riedni tal-pajjiż f ’idejh, ir-ritmu li bih qed tonqos id-dipendenza fuq l-assistenza soċjali mhux imajna.

L-istatistika uffiċjali tindika li waqt li bejn l-2017 u l-2018 kien hemm tnaqqis ta’ 351 persuna fuq dan il-benefiċċju, bejn l-2018 u l-2019 it-tnaqqis kiber għal 520. Bejn Ġunju 2018 u Ġunju 2019 l-ammont ta’ nies qiegħda li kellhom bżonn jieħdu l-benefiċċju għall-assistenza naqas b’264. Filwaqt li n-numru ta’ single parents fuq l-assistenza soċjali naqas b’258. Meta mqabbel ma’ ħames snin ilu, kien hemm tnaqqis ta’ kważi 4,500 persuna qiegħda li kellha bżonn l-assistenza (-83%), filwaqt li hemm 770 anqas single parents fuq assistenza soċjali (-23%). Dan minħabba li żdiedu ħafna l-opportunitajiet ta’ xogħol, filwaqt li biċ-childcare b’xejn aktar ġenituri setgħu joħorġu jaħdmu. Grazzi għat-titjib fl-ekonomija u fil-finanzi pubbliċi, filwaqt li naqset id-dipendenza soċjali, setgħu jidħlu wkoll benefiċċji ġodda bħat-tapering tal-benefiċċju talqgħad u l-inwork benefit li qed igawdu minnhom aktar minn 6,500 persuna, bi spiża ta’ kważi €5.5 miljun fl-ewwel nofs tal-2019.

Fl-istess ħin il-Gvern seta’ jkompli jtejjeb benefiċċji eżistenti. Bħala medja, il-pensjoni taż-żewġ terzi kienet 32% aktar milli kienet titħallas bħala medja ħames snin ilu. Fl-ewwel nofs tal-2019 pajjiżna nefaq €11.5 miljun aktar fuq il-pensjonijiet għar-romol milli kien jonfoq ħames snin ilu, jew 21% aktar. L-ispiża fuq benefiċċji għal carers laħqet €3.8 miljun, kontra anqas minn €0.4 miljuni ħames snin ilu. Filwaqt li naqset id-dipendenza fuq l-assistenza soċjali, il-galbu fit-tmexxija ekonomika fisser li fis-snin li għaddew aktar eluf ta’ persuni fil-bżonn setgħu ingħataw għajnuna aħjar ħalli jtejbu l-livell ta’ għajxien tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend