Kull ġimgħa jispezzjonaw 87 bajja madwar Malta – One News

Kull ġimgħa jispezzjonaw 87 bajja madwar Malta

Meta tara x-xhur tas-sajf joqorbu, ħalliha għall-Malti li jlebbet lejn xi bajja li tkun ta’ kuljum miżgħuda bin-nies. 

Meta nkunu fis-sebgħa sema ngħumu u nilgħaqu x-xemx ftit li xejn inkunu konxji ta’ x’hemm fil-baħar u wisq anqas nafu li ta’ kull ġimgħa sebgħa u tmenin bajja adattata għall-għawm jiġu eżaminati għal xi possibbilità ta’ kontaminazzjoni.

Artiklu li deher fil-gazzetta Kullħadd jispjega li l-istħarriġ fuq il-kampjun li jittieħed mill-bajjiet jiġi eżaminat fi tmienja u erbgħin siegħa. Jekk tirriżulta xi kontaminazzjoni, il-bajja tingħalaq għall-għawm u jitwaħħlu diversi avviżi fil-madwar sabiex il-pubbliku jkun infurmat.

Il-gżejjer Maltin huma maqsumin f’erba’ żoni u l-eżerċizzju t’eżaminazzjoni huwa mifrux fuq tlieta u għoxrin ġimgħa bil-bidu jkun f’Mejju u jieqaf fit-tielet ġimgħa ta’ Ottubru.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li taħtu jaqa’ d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali stqarr li din is-sorveljanza kontinwa ssir b’reqqa kbira li tirrifletti l-importanza mogħtija lil dan il-qasam.

Saħaq fuq kemm hi kruċjali dan l-eżerċizzju sabiex il-kwalità tajba tal-ibħra Maltin tkun issalvagwardjata.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend