Ħidma biex il-futur ikun aħjar mil-lum – One News

Notifiki

Ħidma biex il-futur ikun aħjar mil-lum

Il-Gvern baqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu bil-għan li tkun imtejba l-infrastruttura tal-pajjiż. Infrastruttura li kif spjega l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, mhijiex marbuta biss mat-toroq ġodda li fuqhom għaddej xogħol kbir. 

“Il-Gvern ma jieqafx,” qal Joseph Muscat f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio fejn spjega li din hi riflessa fiċ-ċertifikati b’saħħithom li jingħata pajjiżna minn żmien għal żmien.  “L-iktar importanti hu li meta jkunu qed jitkellmu l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin jibqa’ jkollhom fiduċja li l-futur se jkun aħjar mil-lum,” spjega l-Prim Ministru.

Fost oħrajn irrefera għall-infrastruttura teknoloġika u l-ftehim tal-gvern Malti mal-kumpanija Vodafone biex f’Malta jkunu wżati sistemi ġodda li mbagħad Vodafone tieħu wkoll f’pajjiżi oħra.

Permezz tal-internet of things hemm proġetti marbuta mar-rimi tal-iskart f’kontenituri pubbliċi u proġetti marbuta mal-parkeġġ fejn in-nies ikollhom app fuq il-mobile biex ikunu jafu fejn hemm parkeġġ li jkun ħieles.

“Tmur mill-ewwel f’post li jkun liberu u tnaqqas anke l-emissjonijiet,” qal il-Prim Ministru li spjega kif it-tnaqqis tal-emissjonijiet kien ukoll fuq quddiem nett fl-immodernizzar tal-flotta tat-trasport pubbliku.

“Irridu naraw fi snin li ġejjien li din il-flotta trid tmur ukoll għall-flotta li taħdem bl-elettriku,” qal il-Prim Ministru li fakkar kif bħala pajjiż se nkunu qegħdin imorru lejn qalba fejn ikollna flotta ta’ karozzi fil-pajjiż li jkunu kollha elettriċi.

“Min ikun irid jixtri karozza jkun irid jixtri karozza taħdem bl-elettriku,” spjega Joseph Muscat li tenna kif dan irid isir b’mod li t-tranżizzjoni ma titfax piż fuq in-nies. “Nagħtu data li minnha ‘l quddiem mhux ma tistax tuża karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel, imma min ikun irid jixtri karozza irid jixtriha elettrika,” qal Joseph Muscat li rrefera għall-ħidma li qed issir minn kumitat tekniku bil-għan li jkunu mistħarrġa anke x’inċentivi għandu jkun hemm.

Hawn il-Prim Ministru semma l-ħsieb tiegħu li l-qalba f’pajjiżna tkun fost l-iktar ambizzjużi u fost l-aqwa fl-Ewropa.

Irrefera wkoll għall-wasla ta’ ajruplan ġdid ieħor għall-Air Malta u tenna kif minbarra l-benefiċċji għall-kumpanija għandu wkoll benefiċċju ambjentali.

“Permezz ta’ dan l-ajruplan il-kumpanija mhux biss se tmur aħjar finanzjarjament, għax l-operat tal-ajruplani l-ġodda se jnaqqsu l-ispejjeż tal-kumpanija b’20%… imma hawn ukoll l-aspett ambjentali, l-aspett tal-emissjonijiet li forsi ma narawhx daqs affarijiet oħra,” spjega l-Prim Ministru li fisser kif b’inqas fuel użat se jkun hemm inqas tniġġiż fl-arja.

Għamel referenza wkoll lejn il-fatt li l-Unjoni Ewropea għalqet erba’ proċeduri kontra Malta, fosthom dwar direttivi fuq il-ħasil ta’ flus u  nnota b’sodisfazzjon li kien hemm ukoll ftehim mal-kamra tal-periti dwar ir-regoli ġodda fil-qasam tal-kostruzzjoni.

“Meta jkun hemm bżonn dejjem inpoġġu bilqiegħda u nitkellmu u dejjem inkunu f’sitwazzjoni li naslu,” qal Joseph Muscat.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend