Ta’ sitt xhur ġiet addotat mir-Rumanija, iżda forsi b’differenza għal ħafna minn kważi l-bidu nett kien jaf li minbarra l-familja li trabbih, għandu familja oħra.
Din hija l-istorja ta’ Marius Muscat ta’ 24 sena minn Ħad-Dingli. Magħna qal kif il-ġenituri tiegħu qatt ma ħbew xejn minnu.
Marius qali li “Qatt ma ħbewli xejn anzi kienu jgħiduli int lucky għax għandek żewġ ġenituri oħrajn u ovvjament iktar ma beda’ jgħaddi żmien iktar bdew jgħiduli l-kliem addattat sakemm fl-aħħar mill-aħħar ġejt fi stat fejn 100% stajt nifhem x’inhi s-sitwazzjoni tiegħi”.
Huwa stqarr kif dejjem kellhom tifħir għall-familja naturali tiegħu.
Ta’ sittax-il sena Marius mar ifittex lill-ġenituri naturali tiegħu fir-Rumanija, iżda meta mar fl-indirizz li kellu sab biss lil nanntu. Din qaltlu li l-familja naturali tiegħu emigrat lejn Spanja.
Din tatu album bir-ritratti ta’ familtu u l-ismijiet tagħhom.
Marius spjega kif b’din l-informazzjoni beda jagħmel xi tiftix fuq Facebook, u sab persuna li tixbah wiċċ fuq ritratt.
Huwa ttanta xortih u kellimha.
Iżda din il-persuna ftit wara reġgħet għamlet kuntatt. Qaltlu biex jitkellmu fuq l-iskype.
Spjega kif il-familja naturali tiegħu tatu sorpriża meta ltaqgħu xahrejn wara għall-Milied, u minn dak iż-żmien baqgħu f’kuntatt kontinwu, tant li tgħallem jitkellem l-Ispanjol.
Iżda dan kollu ma kienx ikun possibbli kieku Marius ma sabx l-appoġġ u s-sostenn tal-familja li addotatu u tatu futur f’pajjiżna.
Marius spjega li minbarra l-karriera tiegħu fil-qasam tal-karozzi, jaqsam ukoll ħinu u l-esperjenza tiegħu ma’ koppji li qed jikkunsidraw l-addozzjoni.