Fl-arjuport ta’ Glasgow: żewġ bdoti ġew arrestati qabel telqu lejn l-Amerka – One News

Fl-arjuport ta’ Glasgow: żewġ bdoti ġew arrestati qabel telqu lejn l-Amerka

Żewġ bdoti tal-United Airlines ġew arrestati wara li allegatament ma għamlux it-test ta’ nifs qabel telgħu fuq titjira li kienet iddestinata lejn New York. Minħabba f’dan il-każ it-titjira ġiet ikkanċellata. 

Iż-żewġ irġiel li għandhom 41 u 61 rispettivament inżammu fil-kustodja tal-pulizija u huwa mistenni li nhar it-Tlieta jitellgħu quddiem il-Qorti ta’ Paisley Sheriff.

Il-linja tal-ajru United Airlines qalet fi stqarrija li l-prijorità tagħha dejjem kienet is-sigurtà tal-klijenti u l-ħaddiema tagħha.

Fl-2017, żewġ bdoti oħra weħlu sentenzi ta’ ħabs wara li ħareġ li kienu qabżu l-limitu ta’ kemm jistgħu jixorbu alkoħol meta jkunu xogħol.

Il-bdot Paul Grevenc ta’ 35 sena kien weħel sentenza ta’ 10 xhur priġunerija. Filwaqt li l-kollega tiegħu Carlos Licona ta’ 45 sena ntabgħat 15-il xahar ħabs.

Iż-żewġ bdoti kienu arrestati fl-arjuport ta’ Glasgow waqt li kienu qed jagħmlu l-aħħar preparamenti qabel jitilqu fuq titjira. Il-każ seħħ fis-27 t’Awwissu 2016.

Ritratt: Spindrift

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend