Il-pulizija bi spezzjonijiet ġodda fix-xhur tas-sajf – One News

Notifiki

Il-pulizija bi spezzjonijiet ġodda fix-xhur tas-sajf

‘Safe Holidays’ huma spezzjonijiet ġodda li qed isiru mill-Pulizija mis-Sezzjoni tat-Traffiku fit-toroq Maltin fix-xhur tas-Sajf. Kif iġib l-isem ta’ dawn l-ispezzjonijiet, il-Pulizija qed tassigura li l-passiġiera jkunu siguri fil-vetturi fi triqithom lejn il-baħar.

Huma qed jassiguraw li l-vetturi jkunu mgħobbija sew u mhux b’mod esaġerat, iżda fuq kollox qed ikunu għassa għal kull tip ta’ kontravenzjoni oħra. Filfatt dawn l-ispezzjonijiet qed isiru wkoll fid-dawl tax-xemx f’postijiet strateġiċi li minnhom jgħaddi l-pubbliku biex imur max-xtajtiet.

Is-Sibt filgħodu ONE News bakkar fix-Xemxija fejn segwa mill-qrib operazzjoni mmexxija mill-Ispettur Nikolai Sant, li qal kif dawn l-ispezzjonijiet qed isiru b’kollaborazzjoni mal-għaqda pulizjeska ewropea tat-traffiku ‘TIPSOL’.

Qal li “n-nies li jmorru għal baħar jew vaganzi għandhom it-tendenza li jgħabbu l-vettura aktar milli suppost u dak taf tkun ta’ periklu. Jiġifieri t-tgħabbija mhux mgħobbiha sew, affarijiet fuq l-ixkaffi ta’ wara u fuq is-saqaf. Waħda milli qed nagħmlu hu li naraw li dawn il-vetturi jkunu mgħammra kif suppost, siguri għalihom u terzi persuni.”

L-Ispettur Sant qal li wieħed għandu jgħabbi l-karozza tiegħu bi ħsieb, hekk kif huwa illegali li wieħed jgħabbi oġġetti fuq is-‘seats’ tal-karozzi, għax jista’ jkun ta’ periklu jekk iseħħ inċident.
Spjega li “l-ewwel li ma jrid jimtela’ hu l-but u anke ġol but għandu jintrabat kollox sew b’ċertu ‘harness’, ħalli ma joqodx jiġri ‘l hawn u ‘l hinn. Illum ċertu vetturi moderni għanhom ukoll ‘compartments’ bin-‘netting’. Jekk imbagħad wieħed se jgħabbi fuq is-saqaf, il-vettura tiġi b’ċertu ‘roof rails’ u jkun hemm ċertu ħbula u ‘harness’ biex l-oġġetti jkunu marbuta sew biex ma jiċċaqlaq xejn.”

Sostna li ma’ din il-kontravenzjoni magħrufa bħala ‘overloading’ hemm ukoll multa x’titħallas. Apparti li hemm konsegwenzi ħafna iżjed serji f’każ ta’ inċident.

“Jista’ jkun ma tkunx kopert bil-polza ta’ assigurazzjoni. Waħda mill-‘policies’ tagħhom hi li għandha ċertu kilogrammi x’tiflaħ il-vettura u għalhekk tista’ tiġi bla assigurazzjoni.”
Waqt l-operazzjoni tas-Sibt filgħodu, il-Pulizija waqfu għadd kbir ta’ vetturi minħabba li l-passiġiera rekbin fuq wara ma kinux lebsin iċ-ċinturin tas-sigurta’.

L-Ispettur Sant qal li ġieli sabu tfal mimdudin fuq is-‘seat’ ta’ wara u dan hu ta’ periklu enormi. Qal li “sfortunatament jista’ jsir anke inċident fatali, ftit ilhu kellna inċidenti rappurtati li kieku kienu lebsin is-‘seatbelt’ jien jiġu evitati. Ikun hemm konsegwenzi gravi fejn tarbija, tifel jew tifla, jew anke adult jista’ jtir.”

L-Ispettur Sant radd ħajr lill-uffiċjali kollha fis-sezzjoni tat-traffiku, li minkejja xemx tiżreġ qed ikunu fit-toroq Maltin jaraw li l-pubbliku jivvjaġġa b’mod sigur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend