"Omm u bintha ta' 15-il sena ingannawni €500" – sid ta' ristorant | One News

Notifiki

“Omm u bintha ta’ 15-il sena ingannawni €500” – sid ta’ ristorant

Mara Maltija li tagħti l-isem ta’ Natasha Drago allegatament solħot eluf ta’ ewro lil sidien ta’ ħwienet tal-ospitalità meta marret biex tbigħ spazji tar-reklamar fuq sit elettroniku li jġib l-isem starweb Malta. Madankollu, minkejja li s-sidien ħallu għar-reklamar baqgħu b’xiber imnieħer. ONE News tkellem ma’ Ryan Gialanze, sid ta’ stabbiliment tal-ikel li ftit tal-jiem ilu bela’ lixka ta’ din il-mara.

Ryan Gialanze stqarr li “hemm ħafna nies irrabjati u lili gidmitni €500. Hawn min gidmitu €200 u hawn min qarrqet bih aktar minn €1,000. Din ma tmurx fuq ristoranti biss. Torganizza accomodation u flights u allura tiġi daħket bihom ammont kbir ta’ flus”

Spjegalna li l-mara jirnexxielha tagħmik bin-numri u prezzijiet tajbin li toffri. “Urietni l-website u ġejt ingannat bl-ammont ta’ ristoranti rinomati li hemm fuqha u li l-website ilha 20 sena up and running u li jidħlu fuq miljun persuna fuq il-website kull xahar u jien biex ngħidlek il-verita għidtilha anki jekk nidħlu 1000 minnhom biżżejjed.”

Iżda mhux kulma jleqq hu deheb u ftit jiem wara li ħallas għal spazju ta’ reklamar, intebaħ li huwa kien fost l-aħħar mill-vittmi ta’ skema qarrieqa li ilha għaddejja s-snin. “Is-Sibt tal-istess ġimgħa meta ġiet biex napplikaw rajt fuq Facebook li din hija frodi. Qed tmur ghand ristoranti ġodda tistaqsi għall-flus €200 jew €500 ghall-marketing u dan qatt ma jasal, qatt ma jiġi uploaded.

F’dawn l-aħħar jiem, kienu bosta oħrajn li qalu li ngidmu u kif il-mara vvintat skużi u gideb bħall-mewt t’ommha sabiex tevita li tkellimhom. “Ma kienx hemm kumment wieħed, kien hemm fuq 50 kumment. Bqajt naqra ftit u ddeċidejt li t-Tnejn nibgħatilha  biex nikkanċella din għax anki fuq l-irċevuta hemm li tista’ tikkanċella f’15-il ġurnata. Bażikament ġejt injorat totalment. It-Tnejn ma weġbitx, bgħatt ħafna messaġġi, ħafna telefomati u xejn. Dan ovjament fuq in-numru li tatna hi.”

Ryan qalilna li l-mara bħalissa qed iddur il-ħwienet akkumpanjata minn tifla ta’ madwar ħmistax-il sena. Attentat li għamel ONE News sabiex jaqbad lil din il-mara kien inutli. “qed iddur mat-tifla tagħha qed tgħid, toffrilek pakkett tajjeb, taf titkellem, iżżiegħel bik, tgħidlek ħafna kummenti sbiħ fuq ir-refurbishment tal-ħanut taf kif għandha tmur.”

Sostna wkoll li li jidher li din ma kinitx ħaġa ta’ darba jew perjodu wieħed. “ovvjament min jagħmel dawn l-affarijiet ikun għamel il-home work tiegħu. Indirizz tal-kumpanija m’hemmx tiġri b’karozza tal-kiri biex ma tkunx tista ssibha. L-fatt li ma tużax il-mobile tqajjem is-suspetti wkoll.”

Dwar dan il-każ, Gialanze qal li għamel rapport lill-Pulizija bil-għan li tibda investigazzjonijiet u jittieħdu passi kontriha. Bħalu għamlu wkoll numru ta’ sidien ta’ ristoranti oħra li allegatament ingidmu minn Drago.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend