Il-Ħadd li ġej jintemm il-kampjonat tas-sajf tat-tiġrijiet taż-żwiemel | One News

Notifiki

Il-Ħadd li ġej jintemm il-kampjonat tas-sajf tat-tiġrijiet taż-żwiemel

Il-Ħadd li ġej jiġi fi tmiemu l-Kampjonat tas-Sajf u għalhekk jagħlaq l-ewwel parti ta’ l-istaġun tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Seba’ finali li għat-tieni sena konsekuttiva l-premjijiet tagħhom qed ikunu sponsorjati mill-Marsa Race Track Limited (MRTL), il-konsorzju approvat mill-Parlament Malti sabiex jieħu f’idejh l-iżviluppar u mmaniġjar tal-korsa b’ċens għal 65 sena b’investiment ta’ 28 miljun ewro. Il-premjijiet lil dawk li se jispiċċaw fl-ewwel erba’ pożizzjonijiet f’kull finali huma l-istess bħal tas-sena l-oħra u totalment jammontaw għal aktar minn 10 t’elef ewro.

Il-Kampjonat huwa divers mill-kampjonati l-oħra li jkollna matul is-sena għall-fatt li ż-żwiemel għandhom iċ-ċans li jiġru tliet darbiet bid-distanza tolterna bejn 2140m u 2640m. Huma jakkwistaw punti skont il-pożizzjoni li jispiċċaw fiha f’kull tiġrija u l-ewwel tnax f’kull kategorija li jtellaw l-akbar ammont ta’ punti jakkwistaw id-dritt li jipparteċipaw fil-finali. Din is-sena għal darb’oħra se jkollna finali li jinġrew fuq id-distanza twila ta’ 2640m.

L-ewwel finali tibda fis-7:00 pm u l-finali tal-Klassi Premier tkun is-sitt waħda tal-programm. Fil-programm ukoll se jsiru żewġ tiġrijiet għall-ponijiet żgħar bit-trott misjuqa mit-tfal li jattendu l-Akkademja tat-tiġrijiet fejn it-tfal kollha li attendew se jingħataw ċertifikat ta’ attendenza li se jkun ippreżentat lilhom mic-Chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg.

It-trofej tal-finali se jitqassmu mir-rappreżentanti tal-konsorzju MRTL is-Sinjuri Philip Mossman u Johann Farrugia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend