L-esponenti ewlieni tal-fazzjoni Busuttil, qegħdin jaħarbu milli jwieġbu l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia rebħilhom il-vot ta’ fiduċja.
L-Erbgħa filgħodu, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina għamel aktar minn siegħa fil-karozza pparkjata fil-Belt, sabiex jevita mistoqsijiet ta’ One News.
Karol Aquilina, flimkien mal-eks Kap Simon Busuttil u Jason Azzopardi ngħad li għamilu ħafna bsaten fir-roti lil Delia tul it-tnejn u għoxrin xahar li ilu fit-tmexxija tal-partit.
Fl-aħħar ġimgħat Aquilina kien f’kunflitt dirett mal-eks Kap tal-Midja Nazzjonalista Pierre Portelli li sejjaħlu ddisprat.
Iżda issa Busuttil, Aquilina u Azzopardi qegħdin isibuha diffiċli sabiex jgħidu jekk humiex se jappoġġjaw lil Adrian Delia, li ngħata fiduċja mill-kunsilliera nazzjonalista. Anki jekk terz tal-kunsilliera jew ivvutaw kontrih jew inkella ma vvutawlux sabiex jibqa’ Kap tal-partit sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Intant, il-membru tal-eżekuttiv u kunsilliera nazzjonalista Louise Tedesco kitbet li l-fazzjoni Busuttil, li ġimgħa ilu sejħitilha, Barra Brigade, sabiex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad wara Delia.
Qalet li l-Partit Nazzjonalista jrid jingħata identità ġdida. Identità li ma tkunx mibnija fuq il-Kap imma fuq il-Partit., sabiex tliet snin oħra, il-partit Nazzjonalista mhux biss jirbaħ l-elezzjoni ġenerali, imma skont Tedesco ikun jista’ jagħti ġejjieni aħjar lill-pajjizna.
Is-sitwazzjoni fil-partit Nazzjonalista kienet trattata wkoll fl-editorjal ta’ The Malta Independent li kiteb minkejja li Adrian Delia, rebaħ il-vot ta’ fiduċja, xorta għad għandu l-problemi fi ħdanu.
L-editorjal innota kif il-maġġoranza tad-deputati nazzjonalista, is-Sibt li għadda ma kinux id-Dar Ċentrali – la waqt il-kunsill ġenerali ta’ filgħodu u lanqas filgħaxija meta bdew jingħaddu l-voti.
Hawnhekk, l-editjoral qal li deputati bħal Simon Busuttil, Jason Azzopardi u Karol Aquilina qegħdin izommu ’l bogħod mill-Partit Nazzjonalista għax huwa mmexxi minn Adrian Delia.
Li hu żgur hu li l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil minjaf x’dispjaċir għandu li meta kien Kap, għamel bidla fil-Partit u t-tesserati ġew eleġibbli li jivvutaw għall-ħatra tal-Kap, qal l-editorjal tal-Independnet.