Għas-sittax il-darba ser tittella’ l-Military Tattoo.
L-edizzjoni ta’ din is-sena apparti li għat-tieni darba konsekuttiva se ssir fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt, din se ġġib l-isem ta’ Valletta Military Tattoo.
Din se tittella’ bis-sehem ewlieni tal-Banda tal-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Jason Micallef, qal li dan l-avveniment ittella’ għall-ewwel darba fil-Belt Valletta s-sena l-oħra bħala parti miċ-ċelebrazzjonjiet ta’ Valletta 2018. Qal li għalhekk bħala parti mil-legat ta’ Valletta 2018, din l-attività li tiġbed lejha eluf ta’ nies se tibqa’ ssir fil-Belt Valletta.
“L-attivitajiet l-aktar popolari s-sena l-oħra nerġgħu nirrepetuhom u li jkunu jagħmlu parti mill-programm kulturali ġdid għal Belt Valletta. Il-‘Valletta Military Tattoo’ għall-ewwel darba rebranded b’dan l-isem hija attivita’ importanti ħafna għal dak li għandna f’moħħna biex insostnu r-riġenerazzjoni kulturali fil-Belt Valletta. Kuntent ħafna lill-Valletta Military Tattoo se tkun appuntament annwali fi Pjazza San Ġorġ.”
Apparti l-baned tal-Korpi Dixxiplinati, f’din l-attività li se tittella’ bejn l-20 u t-22 ta’ Settembru, se jieħdu sehem ukoll baned barranin sabiex ikomplu jżidu mal-ispettaklu għal dawk li se jattendu.
Il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konferenzi Anita Mifsud, tat iżjed dettalji dwar dan l-ispettaklu.
“Din is-sena se jkollna lil mużiċi Borgo San Lorenzo bi spettaklu sabiħ ħafna dan jinvolvi bnadar itiru li hi xi ħaġa ġdida. Se jkollna wkoll La Frustica li hi simpatika ħafna tad-Dolce Gabbana u hi l-banda uffiċjali tar-Rugby Team Taljan ukoll.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnediet din l-attivita’ tkellmu wkoll l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Anthony Cassar li jmexxi l-banda tal-Pulizija, u kif ukoll il-Kaptan Jonathan Borg li jmexxi l-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.