Il-Kummissjoni Ewropea waqqfet erba’ proċeduri li kienet fetħet kontra Malta dwar direttivi u liġijiet Ewropej marbuta mal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, id-direttiva dwar l-għoti u l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali, id-direttiva dwar it-trademarks u d-direttiva dwar l-użu ta’ netwerks elettroniċi tal-komunikazzjoni.
Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li l-Gvern issodisfa l-obbligi tiegħu billi indirizza diskrepanzi fil-liġi Maltija ma’ dik Ewropea fil-każ tal-ewwel u l-aħħar direttiva, filwaqt li ż-żewġ direttivi l-oħra tpoġġew fil-qafas legali Malti.
Ma’ ONE News, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Edward Zammit Lewis, qal li l-għeluq ta’ dawn il-proċeduri kontra Malta jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jimplimenta b’mod sħiħ il-liġijiet Ewropej billi jagħmel ir-riformi fejn meħtieġ.
“Ħdimna flimkien ma’ Ministeri oħra li nagħlqu dawn il-proċeduri jiġifieri Malta issa ġiet konformi, Malta hija pajjiż li tirrispetta s-saltna tad-dritt, Malta hija pajjiż li tmexxi l-valuri Ewropej bħas-solidarjetà u rridu nkunu dejjem l-aqwa fl-Ewropa.”
Il-Ministru Zammit Lewis qal li fi tmiem l-ewwel ġimgħa tiegħu lura fil-Kabinett, il-Ministeru telaq minnufih għal għonq it-triq biex titkompla l-ħidma li saret mill-predeċessur tiegħu Helena Dalli.
“F’dan ix-xogħol m’hemmx honeymoon. Irridu nkomplu x-xogħol tajjeb li sar u nsaħħu f’dak li hemm bżonn u nmexxu ‘l quddiem, kemm fis-settur tal-ugwaljanza li huwa settur wiesgħa ħafna u għad baqa’ ħafna xi jsir wara xogħol inkredibbli li għamlet Helena Dalli u l-gvern Laburista mill-2013 u l-affarijiet Ewropej li bla dubju nafu kemm huma importanti.”
Spjega li fuq aspett Ewropew, il-ħidma se tiffoka kemm fuq il-ħtieġa li Malta tieħu l-massimu mill-baġit Ewropew li jmiss kif ukoll li tinstab soluzzjoni għall-isfida tal-immigrazzjoni.
Dan filwaqt li fisser li fis-settur tal-ugwaljanza dejjem hemm iżjed xi jsir.
“Ugwaljanza għal kulħadd, ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol, ugwaljanza għal dawk in-nisa li ħarġu jaħdmu u jirċievu l-istess pagi. Dawn huma sfidi li ġejjin, sfidi li issa f’ugwaljanza minn fuq il-karta, iktar ugwaljanza effettiva fil-livelli kollha tal-gvern, fil-livelli kollha ta’ pajjiżna u tas-soċjetà tagħna.”