George Degorgio magħruf bħala ċ-‘Ċiniż’ u li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kellu jiddaħħal l-isptar minħabba xi ġrieħi li ġarrab wara allegat argument ma’ priġunier ieħor.
L-argument jidher li nqala’ l-Ħamis filgħodu, u minnufih Degorgio ttieħed lejn l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza skortata minn uffiċjali tas-sigurta’ tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.
ONE News hu nfurmat li waqt l-argument intervjenew minnufih l-istess uffiċjali, madankollu l-priġunier l-ieħor allegatament laħaq ħebb għal Degorgio permezz tal-misħun, dan wara li allegatament xeħet il-misħun fuq iċ-‘Ċiniż’.
Degorgio ġie rilaxxat mill-Isptar ftit tas-sigħat wara, fejn reġa’ intbagħat lura lejn il-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.