Żvediż ta’ 56 sena li joqgħod Marsalforn tilef ħajtu traġikment waqt li kien qed jgħodds fil-limiti ta’ San Lawrennz f’Għawdex.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.30 a.m. meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha d-Dwejra.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li minn grupp ta’ tliet bugħaddasa, il-vittma sab ruħu f’diffikultà. Huwa ttella’ fuq l-art minn wieħed mill-bugħaddasa stess.
Fuq il-post issejħet ambulanza sabiex tassisti lill-vittma, iżda sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Paul Coppini li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ tagħha fuq il-każ.