Kwart tat-tfal bejn 11 u 16 -il sena jirċievu messaġġi b’kontenut sesswali – One News

Notifiki

Kwart tat-tfal bejn 11 u 16 -il sena jirċievu messaġġi b’kontenut sesswali

L-Università ta’ Malta ħejjiet studju fejn instab li kwart tat-tfal bejn l-etajiet ta’ 11 u 16 -il sena rċivew messaġġi b’kontenut sesswali s-sena l-oħra.

24.5% tat-tfal irċivew messaġġi espliċiti li jinkludu kliem, ritratti jew vidjows. 9.6% minnhom stqarru li ġieli bagħtu jew ippostjaw messaġġi b’temi sesswali.

Terz tat-tfal bejn l-etajiet ta’ 9 u 16 -il sena qalu li raw ritratti espliċiti fis-sena 2018 b’mod partikolari mit-televiżjoni jew onlajn.

L-istudju żvela li minuri bejn l-etajiet ta’ 9 snin u 16 -il sena iqattgħu iktar minn tlett sigħat f’ġurnata fuq l-internet. Din il-figura tkompli tiżdied skont l-età. Żagħżagħ ta’ sittax -il sena jqattgħu iktar minn 4 sigħat.

Kważi 40% tat-tfal li ħadu sehem fl-istudju qalu li raw xi ħaġa waqt li kienu fuq l-Internet li dejqithom iżda l-istudju ma jispjegax in-natura ta’ dan il-materjal.

Iktar minn 16% tal-parteċipanti stqarru li trattaw lil xi ħadd b’tali mod li jweġġa lil dak li jkun.

Dan filwaqt li 7.7% qalu li terzi persuni saru jafu fejn jinsabu għaliex interċettawlhom l-apparat teknoloġiku.

Għoxrin skola Maltija ħadu sehem f’dan l-istudju bħala parti mill-‘EU Kids Online Survey‘. L-istudju kellu 1381 riposta valida.

Studenta Universitarja li qiegħda qiegħda tagħmel PhD, Lorleen Farrugia, żvelat dawn id-dettalji waqt it-tnedija tal-kampanja BeSmart! Online li l-għan aħħari tagħha huwa li teduka t-tfal fuq l-Internet.

Is-Segretarju Parlamentaru għal Servizzi Finanzjarji u Innovazzjoni Diġitali, Silvio Schembri, saħaq li hija importanti li noħolqu bilanċ bejn is-sigurtà u l-aċċess għat-teknoloġija u stqarr li t-tfal għandhom bżonn aċċess għall-Internet iżda jridu jkunu konxji tar-riskji assoċjati mal-Internet.

Aktar minn 40,000 student f’kull sena skolastika bbenefikaw mill-proġett Be Smart Online li laħaq kemm skejjel tal-istat, privati u tal-knisja.

Dan kien possibli grazzi għar-riżorsi u l-inizjattivi li ttieħdu, li nkludew kampanji edukattivi, roadshows, workshops, seminars, live-in, laqgħat u sessjonijiet informattivi fost oħrajn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend