Kane Grima ta’ 23 sena mill-Belt tressaq il-Qorti bħala kompliċi f’serqa ta’ 48,992 ewro minn ġewwa stabilliment Burgers Ink. fis-suq tal-Belt.
Il-każ ġara nhar it-Tnejn għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ waranofsinhar.
L-akkużat li huwa riċediv, ġie akkużat ukoll li naqas milli jħares kundizzjonijiet imposti fuqu mill-qorti tal-Maġistrati.
Viżibbilment imbikkem, huwa wieġeb ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu. Huwa jaħdem xufier ta’ taxi.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Fabian Fleri, Lydon Zammit u Priscilia Caruana Lee. Fleri ppreżenta rapport ta’ CVA dwar il-vettura li intużat fis-serqa.
Il-Maġistrat Nadine Lia laqgħet it-talba sabiex isir Pre-sentencing Report fil-konfront tal-akkużat.
Il-Maġistrat tagħtu l-ħelsien mill-arrest. Huwa ġie ordnat sabiex jiffirma darbtejn fil-gimgħa l-għassa tal-Belt u ma joħroġx bejn il-ħdax ta’ filgħaxija u sitta ta’ filgħodu.
Il-pulizija għadha għaddejja bi tfittxija għal persuna oħra li kienet il-moħħ wara s-serqa.