Id-Dwana tinterċetta 4 kontejners li kienu qed iġorru 40 miljun sigarett falz – One News

Notifiki

Id-Dwana tinterċetta 4 kontejners li kienu qed iġorru 40 miljun sigarett falz

Ritratt: Arkivji

L-uffiċjali tad-Dipartiment tad-Dwana interċettaw erba’ kontejers fil-Port Ħieles b’40 miljun sigarett tal-kutrabandu.

Fi stqarrija, id-Dwana qalet li kull kontejner irriżulta li kien qed iġorr 10 miljun sigarett għal total ta’ 40 miljun sigarett, jiġifieri 2 miljun pakkett ta’ 20 sigarett il-wieħed. Il-kontejners oriġinaw mill-port ta’ Pireaus, fil-Greċja u kienu fi triqithom lejn il-port ta’ Misurata fil-Libja.

Id-Dwana qalet li f’din il-ħidma kien hemm kordinament sħiħ bejn it-taqsimiet tagħha fosthom il-Container Monitoring Unit, l-Intellectual Property Rights Unit u l-iScanning Team, u li sar użu wkoll mill-iscanner tad-Dipartiment.

Fl-istħarriġ illi sar mir-rappreżenti legali tal-kumpaniji rispettivi f’Malta kkonfermaw l-illegalità ta’ dawn il-konsenji, u kkonfermaw ukoll li tali importazzjoni tikkontravjeni id-dritt tal-propjetà intellettwali.

Id-Dipartiment tad-Dwana għaddej b’aktar investigazzjoni kif ukoll qed jikkollabora ma’ dwaniet internazzjonali b’rabta ma’ dan il-każ. Il-kumpaniji propjetarji tal-marki reġistrati mistennija jippreżentaw rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija kontraventriċi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend