Mil-lum aktar professjonisti se jkunu jistgħu jaħdmu bħala Site Technical Officers – One News

Notifiki

Mil-lum aktar professjonisti se jkunu jistgħu jaħdmu bħala Site Technical Officers

Aktar tard illum l-Gvern se jippubblika avviż legali ġdid li se jkun qed iżid aktar professjonisti li se jkunu jistgħu jservu bħala Site Technical Officers. Dan qalu l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg fejn spjega li issa l-inġiniera tal-kostruzzjoni li jiggradwaw mill-MCAST se jkunu jistgħu jagħtu dan l-irwol.

Dan seħħ hekk kif wara li saret diskussjoni mal-partijiet konċernati li wkoll kienu preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet, ħareġ fiċ-ċar li ma hemmx biżżejjed periti sabiex jagħmlu dan ix-xogħol.

Fuq suġġeriment tal-Kamra tal-Periti Borg qal ukoll li mil-lum ukoll il-BRO (Building Regulations Office) se jkun qed joħloq reġistru ta’ nies kwalifikati li jservu bħala Site Technical Officers.

Fakkar ukoll kif fil-ġimgħat li għaddew l-BRO fetħet reġistru ġdid tal-kuntratturi reġistrati magħha sabiex sal-aħħar tas-sena jkun hemm liċenzjar klassifikat tax-xogħol li kapaċi jagħmel l-istess kuntrattur.

Spjega kif matul il-ġimgħat li għaddew madwar 2,500 użaw ir-regolamenti l-ġodda jiġifieri l-maġġoranza tal-construction sites bdew isegwu r-regolamenti. Minn dawn 1,100 għamlu dikjarazzjoni li ma hemmx riskji fuq propjetà ta’ terzi. F’dawn il-każi l-periti qalu li m’hemmx periklu qabel jibda x-xogħol u waqt ix-xogħol.

Dwar il-method statement il-Ministru Ian Borg qal li issa qed jinħadem b’aktar reqqa u dettall.

Sostna li dan kollu qed isir sabiex kulħadd ikun jaf x’se jsib u x’se jagħmel qabel jibda jħaffer u jibni.

Wara li daħlu fis-seħħ dawn l-iżviluppi l-Kamra tal-Periti rtirat id-direttivi tagħha f’dan is-settur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend