It-Times of Malta kellha tammetti li artiklu dwar is-siġar li ppubblikat nhar is-Sibt li għadda kien żball.
Dan l-artiklu qal li nofs is-siġar imħawla fuq medda ta’ sentejn, minn grupp ambjentali bl-isem ta’ The Grow Ten Trees Project, kienu se jinqalgħu. Iżda, dan m’huwiex il-każ.
L-artiklu tas-Sibt kien jismu ‘Central Link to rip out half the trees planted by eco group.’
Iżda, fil-ħarġa ta’ Tnejn filgħodu f’paġna tlieta ta’ The Times of Malta kellha tammetti li mhux se jiġri hekk. “The project will not be doing that,” intqal fid-dikjarazzjoni tat-Times bl-editur tal-ġurnal jiskuża ruħu mal-qarrejja għall-informazzjoni skorretta.
L-artiklu oriġinali kien inqabad mill-midja tal-Partit Nazzjonalista li tul il-jum tas-Sibt għamlet festa bih bil-għan li tużah ħalli iktar nies jattendu l-protesta tal-Ħadd kontra l-proġett tas-Central Link.
Protesta fejn ma’ attivisti ambjentali tħalltu wkoll esponenti tal-Partit Nazzjonalista bħal l-eks Kap Simon Busuttil.
Mhux magħruf jekk in-NET hux se jagħmel l-istess korrezzjoni li għamlet it-Times of Malta.
Intant, meta se jkun lest il-proġett tas-Central Link mhux biss se jnaqqas it-traffiku, iżda se jinkludi 220 siġra iktar milli hemm illum.
Ħafna mill-oppożizzjoni tal-bidu għall-proġett kienet mibnija fuq l-idea żbaljata li siġar li minn Ħ’Attard se jwasslu sat-telgħa tas-Saqqajja, fir-Rabat, kienu se jinqalgħu darba għal dejjem. Meta dan mhux il-każ. Tant li dawk is-siġar se jibqgħu hemm u biswit tagħhom saħansitra jitwaħħlu oħrajn.