Ċentru globali tal-Fintech jgħid li Malta għandha fost l-aqwa ekosistemi tal-Blockchain – One News

Notifiki

Ċentru globali tal-Fintech jgħid li Malta għandha fost l-aqwa ekosistemi tal-Blockchain

Malta hija fost l-iktar pajjiżi progressivi u maturi f’termini ta’ ekosistemi ta’ blockchain.

Hekk sostniet Lattice80, ċentru tal-fintech li tnieda fl-elfejn u sittax f’Singapor, u llum il-ġurnata hija komunita li fiha hemm iktar minn ħdax-il elf startup tal-fintech u mal-mitejn elf professjonist.

Wara li s-sena l-oħra ffukkat iktar fuq ix-Xlokk tal-Asja, għall-edizzjoni tal-elfejn u dsatax, Lattice80 dawret ħaristha lejn ix-xena globali.

Fid-dawl tal-iżviluppi kontinwi li qed isiru f’Malta fil-qasam tal-blockchain, isem pajjiżna ma setax jitħalla barra. Apparti minn hekk, fil-lista tal-iktar mitt mexxej fil-komunità tal-blockchain li ħallew impatt hemm ukoll żewġ persuni fix-xena Maltija.

Dawn huma s-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri u l-intraprenditur teknoloġiku u konsulent tal-innovazzjoni diġitali Abdalla Kablan.

Schembri ħadem qatigħ sabiex din it-teknoloġija ġdida jkollha bażi b’saħħitha f’pajjiżna, filwaqt li Kablan huwa ċ-chairman eżekuttiv tad-Delta Summit, li sar għall-ewwel darba f’pajjiżna s-sena l-oħra u li għalih attendew iktar minn tlett elef persuna.

Malta għamlet avvanzi kbar fejn tidħol il-blockchain. Kumpanija waħda wara l-oħra li jaħdmu f’dan is-settur fetħu l-operat tagħhom f’pajjiżna jew inkella mxew lejn Malta, hekk kif ħassew li hawnhekk teżisti l-klima ideali għal ħidma tagħhom.

F’Mejju li għadda, is-Segretarju Parlamentari Schembri ħabbar li beda perjodu ta’ sena sabiex mat-tmien mitt kumpanija tal-blockchain jibdew jinnotifikaw lill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji bl-interess tagħhom li joperaw f’Malta.

Pajjiżna ħa passi kbar fit-teknoloġija tal-blockchain u d-Distributed Ledger Technologies.

Ewlenin fosthom kien hemm l-approvazzjoni tal-Parlament għall-atti li waqqfu l-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali, il-Liġi dwar l-Arranġamenti u s-Servizzi għat-Teknoloġija Innovattiva, u l-Att dwar l-Assi Finanzjarji Virtwali.

Permezz ta’ dawn il-liġijiet twaqqaf l-ewwel qafas regolatorju għat-teknoloġija DLT, fosthom il-blockchain, fid-dinja. Passi li wasslu biex Malta tiġi mlaqma bħala The Blockchain Island.

Iżda pajjiżna ma waqafx hemm, hekk kif qed jimplimenta l-blockchain anke fil-ħajja ta’ kuljum. Fost dawn hemm l-app Blockcerts, li biha, iċ-ċertifikati edukattivi kollha jkunu fuq il-pjattaforma tal-blockchain.

Barra minn hekk, dsatax-il student ingħataw borża ta’ studju sabiex ikunu jistgħu isegwu korsijiet dwar il-blockchain u d-distributed ledger technologies fil-livelli ta’ Masters u Dottorat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend