Beppe Fenech Adami jwissi li Delia ma jistax jinjora lil min ivvota le – One News

Beppe Fenech Adami jwissi li Delia ma jistax jinjora lil min ivvota le

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, esponent ewlieni mill-fazzjoni Busuttil, mar jitkellem mal-Independent u ma’ The Times of Malta dwar il-vot ta’ fiduċja tas-Sibt li għadda fil-konfront ta’ Delia.

It-Times sejħet lil Beppe Fenech Adami, bħala wieħed mid-deputati Nazzjonalisti kritiċi tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Filfatt Fenech Adami kien wieħed minn ta’ quddiem fil-kampanja kontra Delia, biex jiġi sfiduċjat minn Kap u ma jibqax imexxi lill-Partit Nazzjonalista.

Iżda mat-Times, Beppe Fenech Adami, kellu jaċċetta l-fatt li Delia reġa’ ġie kkonfermat fil-kariga. Anki jekk terz tal-kunsilliera vvutaw kontrih jew ma marrux jivvotawlu.

Filfatt, Fenech Adami qal lil The Times li Delia ma jistax jinjora lil dawk il-kunsilliera li vvutaw kontrih u jemmnu li m’għandux jibqa’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista.

Beppe Fenech Adami insista li huwa l-obbligu ta’ kull deputat Nazzjonalista li jiġbed l-attenzjoni ta’ Adrian Delia meta l-affarijiet fil-Partit Nazzjonalista ma jkunux mexjin sew.

Fenech Adami, li minn taħt dejjem ħadem kontra Delia, qal li huwa semma’ leħnu fil-Partit Nazzjonalista internament u għandu kritika oħra x’jagħmel sabiex il-Partit ikompli mixi ’l quddiem.

F’waħda mil-laqgħat imqanqla li saret tal-eżekuttiv f’Ġunju li għadda, Adrian Delia kien akkuża lil Fenech Adami li qiegħed jiżra’ l-mibegħda. Dakinhar Delia kien qalu “kompli iżra’ l-mibegħda”.

Beppe Fenech Adami tkellem ukoll ma’ The Malta Independent u hawnhekk tefa’ botta dwar it-tgħajjir fuq Facebook mill-ħbieb ta’ Adrian Delia, lejn id-deputati u esponenti mill-fazzjoni Busuttil.

Sejjaħ bħal żball l-użu tal-Facebook u qal li dan jagħmel iktar ħsara milli ġid lill-Partit Nazzjonalista.

Il-ġimgħa li għaddiet sar magħruf li l-ħabib ta’ Delia, Julian Micallef kien iqabbad nies biex jattakkaw lid-deputati ta’ Busuttil fuq Facebook u jsegwu l-passi tagħhom.

Fenech Adami li skont sorsi fil-Partit Nazzjonalista sostnew li vvota biex Delia ma jibqax kap, qal li m’għandux dubju li dawk il-kunsilliera li vvotaw is-Sibt għamlu dan fl-aħjar interess tal-Partit.

Intant, mat-Times u l-Independent deputati Nazzjonalisti bħal Karol Aquilina, Jason Azzopardi u Simon Busuttil ma ridux jikkummentaw dwar l-eżitu tal-vot u li spiċċaw mal-fazzjoni telliefa.

Jason Azzopardi qal biss li huwa jaqbel ma dak li kiteb Ranier Fsadni esponent mill-fazzjoni Busuttil.

Fsadni kiteb li Delia irid jindirizza n-nuqqas ta’ tweġibiet għal ċerti mistoqsijiet, ġudizzju ħażin li jagħmel u n-nuqqas ta’ dixxiplina li għandu tiegħu nnifsu. Qal li jekk ma jagħmilx dan, Adrian Delia se jibqa’ jitqies bħala problema għall-votanti u ma’ dan kollu qabel id-deputat Jason Azzopardi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend