Issa se nieħu deċiżjonijiet sodi u skomdi. Hekk iddikjara l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ftit wara li sar magħruf li kiseb ftit aktar minn 67% tal-voti tal-kunsillieri f’vot ta’ fiduċja li ssejjaħ fil-konfront tiegħu.
Il-Kap Nazzjonalista qal: “Deċiżjonijiet komdi, deċiżjonijiet sodi, u deċiżjonijiet forsi iktar skomdi.”
Fil-fatt kienu kważi 600 kunsillier li jew ivvotaw kontrih, ma marrux jivvotaw għalih jew ħasru l-vot.
Bi twissija ċara lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Delia qal li issa ser iseħħ ir-rieda tal-maġġoranza u l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jitwieled mill-ġdid. Huwa qal li: “Ser iseħħ ir-rieda tal-maġġoranza.”
Fl-ewforija tar-rebħa Delia sfida wkoll lill-fazzjoni Busuttil li se jagħmel it-tibdiliet għax għandu n-nies warajh, fejn qal: “Ħa nbiddel dak li hemm bżonn imma mhux sa nagħmlu waħdi.”
Twissija ċara lill-fazzjoni Busuttil li se tkompli turi l-preżenza tagħha fil-partit li jinsab fl-eqqel tal-ġlied intern li ilu jiddomina fil-partit sa minn mindu ħa tmexxija tal-partit. Delia qal: “Dak li ġara fil-ġimgħat li għaddew li kienet esperjenza pożittiva immens għall-Partit Nazzjonalista.”
B’reazzjoni għar-riżultat il-fazzjoni Busuttil sostniet li t-tmexxija ta’ Delia għandha tifhem il-kitba fuq il-ħajt, dik li terz tal-kunsilliera m’għandiex fiduċja fih. “Aħna se nibqgħu fil-partit”, sostniet l-istqarrija ffirmata minn Ivan Bartolo u Mark Anthony Sammut li ressqu l-petizzjoni kontra Delia. Il-fazzjoni ta’ Busuttil saħqet ukoll li l-vot ta’ fiduċja f’Delia jirrifletti n-nuqqas ta’ fiduċja li għandu l-elettorat fil-Kap tal-Oppożizzjoni.
Intant inqas minn siegħa wara li ħareġ ir-riżultat, l-eks kandidat Nazzjonalista Herman Farrugia ħabbar li telaq mill-Partit li kienu ilu jimmilita fih tmienja u erbgħin sena. Fuq Facebook, qal li se jagħmel ħiltu biex jgħaqqad flimkien lill-Alternattiva Demokratika u lill-Partit Demokratiku ta’ Marlene Farrugia. B’dan tal-aħħar huwa l-partit li miegħu Simon Busuttil kien għaqqad dik li baqgħet magħrufa bħala l-koalizzjoni tal-konfużjoni. Farrugia qal li ma fadallux ħin x’jaħli wara li safa intimidat b’mod kriminali u arroganti minn nies baxxi tal-partit li twieled fih u li dejjem ħabb.
B’reazzjoni, il-partitarji ta’ Delia qalulu biex ma jinsix jagħlaq il-bieb warajh, waqt li oħrajn qalulu biex imur jindifen. Persuni oħra qalu li Farrugia ma jemminx fil-kelma demokrazija. Nies oħra kitbulu biex ma jkomplix ipeċlaq, jagħlaq ħalqu u fuq kollox biex jirrispetta r-rule of law li tant hu u sħabu tal-fazzjoni Busuttil jitkellmu dwarha.