Għajjat, ċapċip, u ħruq ta’ suffarelli.
Din kienet l-atmosfera mhux f’xi festa tar-raħal f’dan tmiem il-ġimgħa, iżda quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista ftit tal-ħin wara li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia rebaħ il-vot ta’ fiduċja li kien kostrett isejjaħ minħabba l-pressjoni li kienet qiegħda tagħmel fuqu l-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil.
Mijiet ta’ partitarji tal-fazzjoni Delia nġabru bi ħġarhom sa minn kmieni s-Sibt waranofsinhar, fost tensjoni kbira minkejja aspettattiva qawwija li Delia kien se jingħata appoġġ qawwi mill-kunsilliera.
Għall-ħabta tas-sebgħa x’ħin ħareġ ir-riżultat, il-partitarji ta’ Delia nfexxew f’dillirju ta’ għajjat ta’ Delia, Delia u Delia huwa il-mexxej.
Mal-bieb tad-Dar Ċentrali bħas-soltu kien hemm Ċensu l-Iswed, il-kanvasser ewlieni ta’ Delia, li kien jidher f’burdata mill-aqwa.
Ftit tal-ħin wara tfaċċa s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli. Iddikjara mingħajr tlaqlieq li dan kien vot qawwi favur Delia u saħansitra qalilna li żied fil-voti.
Dan minkejja li terz tal-kunsilliera eleġibbli m’urewx fiduċja f’Delia, jew inkella ma vvutawx.
Clyde Puli qal: “Dan huwa vot b’saħħtu ħafna għal Adrian Delia, biss biss jekk tagħmel kalkolu żied bejn wieħed u ieħor 50% fuq il-voti li ġab fl-2017. Wara sena tat-tmexxija tiegħu mhux seba’ jew tmien snin tat-tmexxija tiegħu.”
Dikjarazzjoni ta’ Puli li fakkret f’oħra surreali li għamel xahrejn ilu meta mar fuq l-istazzjon Nazzjonalista jipprova jċekken ir-riżultat li kiseb il-partit fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Għal Puli, ir-riżultat li kiseb Delia kien wieħed eċċellenti. Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal: “Kellu bżonn biss 50+1 u llum ġab 67%. Riżultat eċċellenti.”
Fl-isfond tad-dikjarazzjoni ta’ Delia li se jieħu d-deċiżjonijiet skomdi, staqsejna lil Puli x’se jagħmel bil-fazzjoni Busuttil li matul il-jum bdiet ixxerred filmati ta’ Fenech Adami meta f’elezzjoni simili kiseb 97% tal-fiduċja tal-kunsillieri Nazzjonalisti.
Meta ONE News staqsa lil Clyde Puli u lil Adrian Delia dwar il-futur ta’ Simon Busutill u l-fazzjoni tiegħu, huma ħarbu milli jwieġbu l-mistoqsijiet tagħna.