F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat sostna li ż-żjara tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker f’pajjiżna ftit tal-jiem ilu kienet żjara importanti għax uriet kif l-istituzzjoni ewlenija tal-Unjoni Ewropea tħares lejn Malta.
“Il-President Juncker qal affarijiet li kienu pożittivi mmens u turi wkoll il-fatt li pajjiżna għandu reputazzjoni tajba ħafna mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Unjoni Ewropea … Hija relazzjoni dinamika u wriet il-veru mod ta’ kif Malta hija stmata tajjeb ħafna fil-fehma tiegħi mill-istituzzjonijiet Ewropej.”
Il-Prim Ministru stqarr li żewġ punti importanti li semma l-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker f’pajjiżna kienu l-ekonomija ta’ Malta li sejra tajjeb ħafna u l-fatt li l-eta’ tal-votazzjoni niżlet għal sittax -il sena.
Wara li nnomina lil Dr. Helena Dalli għall-Kummissarju Ewropej, Muscat saħaq li “ċert li ħa tagħmel biċċa xogħol tajba ħafna fil-preparamenti tagħha biex tmur għal hearing quddiem il-Parlament Ewropew. Għandha l-kredenzjali ideali. Nittama li jkun hemm appoġġ mhux bil-kliem imma appoġġ ta’ veru.”
Il-Prim Ministru enfasizza li dan huwa sinjal storiku b’saħħtu li kellu jkun Gvern Laburista li bħalma ħatar Ministru mara, l-ewwel Gvern li għamel żewġ Presidenti nisa u l-ewwel speaker mara, issa kien l-istess Gvern li nnomina mara għall-Kummissarju Ewropew.