Biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ kredibbli u relevanti dwar l-isfida tal-immigrazzjoni trid tgħaddi mill-kliem għall-fatti.
Sostna dan l-ewroparlamentari Alex Agius Saliba, li f’intervista ma’ ONE News qal li minkejja ħafna kliem ta’ solidarjetà ma’ pajjiżi bħal Malta li jinsabu fil-fruntieri, għad m’hemmx rieda biżżejjed biex jintlaħaq ftehim permanenti bejn l-istati membri kollha Ewropej.
“Irridu Unjoni Ewropea li toffri s-soluzzjonijiet li mhux toqgħod tagħmel riżoluzzjoni waħda wara l-oħra, mhux tħalli l-kliem sabiħ għal kunsill wieħed wara l-ieħor fejn noqgħodu nitkellmu dwar kemm hemm bżonn li ma narawx aktar ħajjiet jintilfu.”
Saħaq li pajjiżna kien solidali fi kriżijiet li kellhom pajjiżi ikbar, u għaldaqstant issa huwa ż-żmien li pajjiżi Ewropej oħra juru solidarjetà ma’ pajjiżna.
“Konna solidali ma’ pajjiżi li kellhom problemi finanzjarji bħal Ġreċja, imma meta ġejna għas-solidarjetà fejn kellek traġedja umana li qed isseħħ quddiem għajnejna ta’ kuljum, qed nibqgħu ċassi quddiem dan kollu.”
Dr Agius Saliba huwa wieħed minn żewġ ewroparlamentari ġodda fid-delegazzjoni Laburista.
Spjega li l-ewwel darba li daħal fis-sala tal-Parlament Ewropew ġewwa Strasburgu, ħass responsabilità ikbar li jirrappreżenta x-xewqat u l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin minkejja ċ-ċokon tagħna f’istituzzjoni tant kbira.
“Meta tidħol f’dik il-kamra inti tħoss dak il-piż li trid tagħti iktar, trid tkun iktar vuċi qawwija u preparata sabiex tagħmel dak kollu possibli biex tirrapreżenta l-interessi varji, mill-agrikoltura, għas-sajd, għal konsumaturi, għall-ekonomija, finanzi, il-politika tal-immigrazzjoni rregolari, biex tirrapreżenta dawn l-interessi bl-aqwa mod possibbli.”
Fisser kif mod effettiv ta’ rappreżentanza u ħidma li tolqot liċ-ċittadin issir fil-kumitati Parlamentari.
Agius Saliba spjega li huwa membru sostitut fil-kumitat tax-xogħol u l-affarijiet soċjali, membru sħiħ tal-kumitat tas-suq intern u tal-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll membru sħiħ tal-kumitat tal-petizzjonijiet.
Dan tal-aħħar, huwa kumitat li miegħu ċ-ċittadin jista’ jkollu konessjoni diretta.
“Tikteb l-ilment tiegħek b’mod dirett, jiġi quddiemna bħala kumitat, aħna nkunu nistgħu imbgħad nieħdu d-deċiżjonijiet tagħna u nagħtu r-rakkomandazzjonijiet tagħna u nkunu nistgħu anke immexxu dik il-petizzjoni, dak l-ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew.”
Qal li l-ħidma tiegħu f’dawn il-kumitati jolqtu oqsma li fil-fehma tiegħu, huma l-bażi tat-twemmin soċjal demokratiku.