L-MPO ddoqq The Rite of Spring għall-ewwel darba f’Malta f’Settembru li ġej – One News

Notifiki

L-MPO ddoqq The Rite of Spring għall-ewwel darba f’Malta f’Settembru li ġej

Nhar is-Sibt 14 ta’ Settembru, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se ddoqq ix-xogħol rivoluzzjonarju ta’ Igor Stravinsky The Rite of Spring għall-ewwel darba f’Malta.

Dan ix-xogħol mużikali għall-ballet indaqq għall-ewwel darba f’Pariġi fl-1913, kien ħoloq skandlu. Ikkummissjonat minn Diaghilev, dan ix-xogħol juri r-ritwal pagan li fih ix-xebba verġni tiżfen sa mewtha. L-irvell li qam fit-teatru kien reazzjoni spontanja għar-ritmi jkexkxu u xejn konvenzjonali tal-kompożitur, il-korjografija eżotika ta’ Nijinsky flimkien mas-sett xejn solitu fuq il-palk ta’ Roerick.

Fis-serata tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jindaqq ukoll il-Kunċert Numru 2 ta’ kompożitur ieħor Russu, Rachmaninoff; f’dan il-kas xogħol mimli melodiji liriċi. Waqt li ħafna jqisuh bħala l-akbar kunċert għall-pjanu li qatt inkiteb, dan ix-xogħol huwa djalogu kontinwu bejn l-orkestra u s-solist.

F’dan il-kunċert li se jiftaħ l-istaġun 2019/20, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tkun taħt il-bakketta tad-Direttur Mużikali Prinċipali tagħha Sergey Smbatyan. Is-solist fuq il-pjanu se jkun Alexei Volodin, magħruf ħafna għas-sensittività u l-brillantezza teknika fid-daqq.

Dan il-kunċert se jsir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fl-14 ta’ Settembru fit-8 ta’ filgħaxija.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.maltaorchestra.com.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend