L-ex kandidat tal-Partit Nazzjonalista Herman Farrugia ħabbar li telaq mill-Partit Nazzjonalista wara li kien ilu jimmilta fil-Partit għal dawn l-aħħar 48 sena.
Farrugia ħabbar id-deċiżjoni tiegħu siegħa wara li sar magħruf li anqas minn 69 fil-mija tal-kunsillieri Nazzjonalisti vvotaw biex Adrian Delia jibqa’ fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, Farrugia qal li mil-lum ‘il quddiem wara li kien ilu jimmilita fil-PN sa minn Mejju tal-1971, se jagħmel ħiltu biex jgħaqqad lill-AD u lill-PD ta’ Marlene Farrugia li magħha Simon Busuttil kien għaqqad koalizzjoni li baqgħet magħrufa bħala l-koalizzjoni tal-konfużjoni.
Farrugia qal li ma fadallux ħin x’jaħli wara li safa intimidat b’mod kriminali u arroganti min-nies baxxi tal-partit li twieled fih u li dejjem ħabb.
B’reazzjoni, il-partitarji ta’ Delia qalulu biex ma jinsix jagħlaq il-bieb warajh, waqt li oħrajn qalulu biex imur jindifen, ma jkomplix ipeċlaq, jagħlaq ħalqu u fuq kollox biex jirrispetta r-rule of law li tant hu u sħabu tal-fazzjoni tal-ekx kap Simon Busuttil jitkellmu dwarha.